Futbol Sport

Floriana jibdew il-Kampjonat kontra Naxxar Lions | Wara staġun pożittiv, il-greens wetqu numru ta’ bidliet speċjalment fil-plejers barranin

Net News jagħti ħarsa lejn l-akkwisti u t-tluq ta’ plejers li twetqu minn Floriana matul dan is-sajf ta’ kampanja akkwisti

Floriana se jkunu qed jibdew staġun ġdid tal-Malta Premier, li minn din is-sena hu sponsorjat minn YoHealth, b’konfront kontra Naxxar Lions.

Wara li kienu eliminati fit-tieni rawnd tal-UEFA Conference League, Floriana qed jittamaw f’bidu pożittiv tal-Opening Round. Staġun ilu, fl-ewwel sena b’format ġdid tal-Malta Premier, Floriana kienu rebħu dan ir-rawnd meta temmew l-ewwel fil-klassifika u mingħajr dubju l-għan aħħari tagħhom, issa taħt it-tmexxija ta’ kowċ ġdid, il-Portugiz, Daniel Portela, hu li jerġgħu jkunu sfidanti serji għar-rebħ tal-Kampjonat.

Bħal maġġoranza tat-timijiet li se jkunu qed jilgħabu fil-Malta Premier, anke Floriana kienu fost it-timijiet minn ta’ quddiem li kienu involuti kontinwament fit-tisħiħ tal-iskwadra. Id-dehra tal-iskwadra b’Portela kowċ hi xi ftit differenti minn kif kienet meta kien hemm Darren Abdilla fit-tmexxija teknika tal-iskwadra l-istaġun li għadda.

Fost l-akkwisti l-aktar importanti, jispikka r-ritorn tal-internazzjonali Malti, Mattia Veselji wara li kellu esperjenza ta’ nofs staġun fis-Serbja. Mill-bqija il-maġġoranza tal-barranin ġodda li ssieħbu ma’ Floriana matul dan is-sajf, huma ismijiet ġodda għall-futbol lokali għajr għad-difensur ċentrali Arġentin ta’ 31 sena,  Lucas López li kien qed jilgħab l-aħħar ma’ Marsaxlokk.

L-aqwa skorer tat-tim l-istaġun li għadda, Franklin Sasere kien fost il-plejers li ħallew l-iskwadra Furjaniża u ffirma ma’ Birkirkara.

Wara sitt staġuni konsekuttivi ma’ Floriana, l-Arġentin naturaliżżat Malti, Matías García għażel li jibda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu u ffirma maċ-champions Ħamrun Spartans.

Bidla oħra sinifikanti kienet dik tal-gowlkiper, Christoffer Mafoumbi li wara staġun pożittiv bejn il-lasti ta’ Floriana, hu kien wieħed mill-ewwel akkwisti li għamlu Marsaxlokk matul dan is-sajf ta’ kampanja akkwisti.

Fil-veritá, il-bażi tal-plejers Maltin li kellhom Floriana l-istaġun li għadda, baqgħet l-istess, u l-bidliet li wettaq it-tim kienu primarjament fl-uċuħ tal-plejers barranin.

Bil-kampanja akkwisti tintemm uffiċjalment fl-aħħar t’Awwissu, wieħed irid jara jekk Floriana humiex se jkomplu jżidu mal-lista ta’ plejers li diġa’ ħabbru b’mod uffiċjali matul din it-tieqa tas-suq tat-trasferimenti.

Il-mistoqsija ta’ ħafna hija, b’dawn il-bidliet kollha li wetqu Floriana, it-tim hu aktar b’saħtu u kompetittiv bħal dak ta’ staġun ilu?