Lokali

Għad-Dell tal-Akwadott nhar is-Sibt f’Ta’ Kerċem

Is-Sibt li ġej, propju fis-16 ta’ Awwissu, il-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem, ser itella’ l-attività li ġġorr l-isem, Għad-Dell tal-Akwadott. Attività mogħnija bi tradizzjoni, kultura u dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin.

L-attività ser titella’ fi triq San Niklaw, Ta’ Kerċem, u hi attività għal familja kollha, mill-kbar saż-żgħar.

L-attività ser tinkludi ikel u xorb tradizzjonali, għana u folklor Malti, logħob għat-tfal, kif ukoll wirjiet ta’ magni antiki u snajja’ tradizzjonali, li kollha jfakkru l-istorja agrarja u kulturali tal-lokal.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Kerċem Mario Azzopardi b’sodisfazzjon ħabbar li l-lokalità ta’ Ta’ Kerċem ser tkun qed tilqa’ edizzjoni oħra ta’ din l-attività – avveniment li qed jikber minn sena għall-oħra u qed jiġbed lejh familji minn madwar Għawdex u anke Malta.

Ir-raħal pittoresk Ta’ Kerċem huwa mogħni b’diversi postijiet ta’ interess u huwa għalhekk li wieħed għandu jżurhom, ikun jaf dwarhom u japprezzahom, intant nhar is-Sibt il-Kunsill Ta’ Kerċem ħa ħsieb jorganizza serata li tfakkar il-passat Malti.

Is-Sibt ser issir ukoll dawra bit-train madwar Ta’ Kerċem u Santa Luċija li titlaq fis-6:30pm minn Triq Qasam San Ġorġ. Dawra informattiva u edukattiva mmexxija minn gwida professjonali u ta’ esperjenza. It-train hija bla ħlas.