Futbol Sport

Ħames t’ijiem ‘il bogħod mil-bidu tal-Malta Premier | Birkirkara jittamaw li dan l-istaġun iwassalhom għar-rebħ tal-unuri

Franklin Sasere hu wieħed mill-akkwisti ġodda ta' Birkirkara
Franklin Sasere hu wieħed mill-akkwisti ġodda ta' Birkirkara

Ħarsa lejn il-kampanja akkwisti ta’ Birkirkara matul din it-tieqa tas-sajf

Nhar is-Sibt li ġej, jibda uffiċjalment l-istaġun il-ġdid YoHealth Malta Premier 2025/26, bil-finalisti telliefa tal-finali tal-final four għar-rebħ tal-Kampjonat l-istaġun li għadda, Birkirkara se jkunu qed jilgħabu fil-partita inawgurali kontra t-tim neo promoss miċ-Challenge League, Valletta.

F’match day 1 ta’ dan il-Kampjonat se nkunu qed nibdew mal-ewwel bil-konfronti diretti u li f’dawn l-aħħar snin nisslu rivalitá u antagoniżmu kbir fil-futbol Malti.

Matul dawn il-jiem se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn l-akkwisti li għamlu t-12-il tim tal-Malta Premier, u l-lista ta’ plejers li l-istess timijiet ċedew s’issa matul din il-kampanja akkwisti tas-sajf li tiġi fit-tmiemha fl-aħħar t’Awwissu.

F’ordni alfabetika, se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn il-kampanja akkwisti li kellhom s’issa Birkirkara li għal staġun ieħor se jkunu taħt il-gwida teknika tal-kowċ Taljan, Stefano D’Angelis.

Kif jidher f’din il-grafika t’hawn taħt, l-istripes kienu attivi mhux ftit f’akkwisti importanti, hekk kif wetqu numru ta’ bidliet importanti, b’akkwisti meqjusa. Fost l-aktar ismijiet sinifikanti li jispikkaw u li ssieħbu ma’ Birkirkara minn dan is-sajf, hemm dawk ta’ Franklin Sasere mingħand Floriana u tal-midfielder offensiv mill-Ghana, Geoffrey Acheampong li kien qed jilgħab l-aħħar ma’ Sliema Wanderers.

Fl-istess waqt, Birkirkara tilfu numru ta’ plejers li fl-aħħar staġun kellhom kontribut importanti fit-tim. Fost dawn insemmu lil Maxuell Samurai, Alessandro Coppola, Paul Mbong u r-rebbieħ tal-unur tal-aqwa plejer tas-sena tal-MFA, Alex Satariano.

Int x’taħseb minn din il-kampanja akkwisti li għamlu s’issa Birkirkara matul dan is-sajf? Bl-akkwisti u t-tliuq ta’ plejers li kien fl-iskwadra, taħseb li t-tim taħt it-tmexxija ta’ Stefano D’Angelis hu aħjar minn dak ta’ staġun ilu?