Għawdex Lokali

Il-50 anniversarju tal-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari

Il-Ħadd filgħaxija, il-Kardinal Mario Grech mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju tal-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari tal-Katidral ta’ Għawdex.

Il-Kardinal Grech ġie milqugħ mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li laqgħu mhux biss bħala Għawdxi li jħobb lil pajjiżu, iżda bħala l-Mibgħut tal-Papa.

Fil-Pontifikal Solenni li mexxa fil-Katidral, il-Kardinal Grech għamel riflessjoni fuq il-kuruna tad-deheb fuq ras l-Assunta li tevoka r-restawrazzjoni tal-poplu l-magħżul ta’ Alla. Il-kuruna li għandha l-Assunta fiha tnax-il kwekba, rappreżentazzjoni kemm tat-tnax-il tribu ta’ Iżrael u anke tat-tnax-il Appostlu.

Il-Kardinal irrimarka kif fl-ittra tiegħu, il-Papa Ljun XIV talbu sabiex b’ħeġġa jgħallem lil poplu Malti dwar il-Verġni Marija u l-Assunzjoni tagħha, kif ukoll ifakkar lill-poplu sabiex iżomm il-kuruna fuq ras Marija sħiħa u bla mittiefsa, sabiex tkun tassew kuruna li tirrappreżenta lill-poplu ta’ Alla fi gżiritna.

Intant, wara l-pontifikal, il-Banda Leone akkumpanjat b’daqq ta’ innijiet reliġjużi l-Kwadru titulari f’Purċissjoni lejn Pjazza Savina, fejn ħamsin sena ilu kienet seħħet l-Inkurunazzjoni. Fil-purċissjoni ħadu sehem ukoll il-Victoria Scout Group u delegazzjonijiet tal-Kapitli Kolleġġjali l-oħra ta’ Għawdex.

Kien hawnhekk fejn il-Kardinal mexxa Ċelebrazzjoni ta’ Qima Marjana, b’mumenti ta’ qari, talb u daqq ta’ innijiet Marjani.

Il-Papa Ljun XIV bagħat il-messaġġ tiegħu għal din l-okkażjoni, li ġie moqri mill-Kardinal Grech.