Futbol Sport

Il-FA Spanjola tapprova l-pjan biex Villarreal jaffrontaw lil Barcelona fl-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Il-partita bejn Villarreal u Barcelona mil-La Liga f’Diċembru li ġej taf issir l-ewwel partita minn kampjonat Ewropej li tintlagħab barra mill-Ewropa wara li l-Federazzjoni tal-Futbol Spanjola (RFEF) approvat il-pjanijiet li l-partita tiġi ospitata fl-Istati Uniti.

Il-RFEF issa se tkun qed tfittex li tikseb approvazzjoni mill-FIFA u mill-UEFA biex il-partita tintlagħab il-Hard Rock Stadium f’Miami. Dan m’huwiex il-grawnd prinċipali ta’ Inter Miami, hekk kif huma jilagħbu fiċ-Chase Stadium, pero l-fatt li ntagħżel Stadium f’Miami huwa possibiltà ta’ riklamar hekk kif fit-tim hemm bosta stillel, fosthom l-eks leġġendi ta’ Barcelona Lionel Messi, Sergio Busquets, Jordi Alba, Luis Suarez kif ukoll il-midfielder ta’ Atletico Madrid li jinsab b’self ma’ Miami, Rodrigo De Paul.

Il-Hard Rock Stadium, se jkun wieħed mill-iktar grawnds importanti fit-Tazza tad-Dinja 2026 li se ssir bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada, fejn se tospita 7 partiti.

Il-Hard Rock Stadium f’Miami ntuża ukoll waqt il-FIFA Club World Cup ix-xahar li għadda

Il-partita bejn Villarreal u Barcelona bħalissa mistennija tintlagħab f’ Estadio de la Ceramica fil-21 ta’ Diċembru, il-grawnd ewlieni ta’ Villarreal.

Partiti oħra fosthom is-Super Coppa Italiana u s-Supercopa de Espana ntlagħbu barra mill-Ewropa, pero s’issa qatt ma ntlagħbet partita mill-kampjonat.

AC Milan ukoll qed jittamaw li jilagħbu partita barra mill-Ewropa din is-sena, speċifikament kontra Como fi Frar li ġej, bir-Rossoneri jfittxu li jmorru jilagħbu f’Perth fl-Awstralja hekk kif San Siro se jkun qiegħed jintuża għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi tax-Xitwa.

Madankollu, il-pjanijiet ta’ AC Milan għadhom ma ġewx approvati mill-FIFA, UEFA, Football Australia u l-AFC.