Lokali Qorti

Il-provi fil-konfront tas-suldat mixli bi qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi għat-Tlieta

Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Benjamin Chetcuti, suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, li nhar it-Tlieta 29 ta’ Lulju tressaq il-Qorti mixli bi qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi ta’ 62 sena, f’inċident tat-traffiku se tibda tinstema’ t-Tlieta 12 ta’ Awwissu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Chetcuti kien qed isuq karozza li laqtet oħra pparkjata fi Triq Ta’ Liesse, il-Belt Valletta, li kawża tagħha nqatlet Mildred Azzopardi, mill-Ħamrun, omm ta’ erbat itfal. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih, fosthom li kkaġuna ġrieħi gravi lir-raġel tal-vittma li kien ma’ martu dak inhar tal-inċident.

L-inċident seħħ tard il-Ħadd filgħaxija, 27 ta’ Lulju li għadda – meta l-karozza Subaru Impreza misjuqa minn Chetcuti ħabtet ma’ Ford Fiesta ipparkjata. Azzopardi kienet fil-viċinanzi tal-karozza u spiċċat maqbuda bejn iż-żewġ vetturi. Hija mietet fuq il-post. Ftit tal-ħin qabel il-vittma kienet qed tistad ma’ żewġha fil-viċinanzi.

Chetucti kien tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li semgħet li l-karozza li kien qed isuq Chetcuti ma kinitx tiegħu. Huwa qed jiġi mixli wkoll li u li kkawża il-mewt tal-mara u weġġa’ gravament lil żewġha meta kien qed isuq b’negliġenza.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li għamel ħsara lil diversi vetturi oħra – fosthom Toyota Vitz, Znen, Yamaha u Ford Fiesta – u li naqas milli jipprevjeni reat, minkejja li hu uffiċjal pubbliku. Is-Superintendent Nicholas Vella kien xehed li l-Pulizija ġew infurmati dwar il-ħabta u sabu persuna f’qagħda kritika u oħra mejta fuq il-post.

Chetcuti ġie identifikat bħala s-sewwieq, u ttieħed għall-isptar fejn sar test tal-alkoħol li rriżulta li kien ‘il fuq mil-limitu legali. L-Avukat tad-Difiża Franco Debono fl-ewwel dehra talab għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba l-biża’ ta’ tbagħbis tal-evidenza, speċjalment minħabba li hemm xhud ewlieni f’qagħda kritika.

L-Avukat prosekutur Darleen Grima qalet li għad hemm diversi xhieda ċivili li jistgħu jinstemgħu u li l-investigazzjoni għadha għaddejja. Madankollu, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darleen Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mis-Superintendent Nicholas Vella. L-akkużat kien assistit mill-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-Avukata Lara Dimitrijevic dehret f’isem il-familja tal-vittma.