Lokali

Iqabbad lil Mark Mallia biex jikkonvinċi lin-nies

Il-Gvern ta’ Robert Abela għaddej b’kampanja sħiħa sabiex jipprova jikkonvinċi lill-poplu li l-abbozzi tal-ippjanar huma eċċellenti u li huma l-aħjar għażla – meta kulħadd qed jgħid l-oppost.

Fl-aktar manuvra riċenti, il-Kap tas-Segretarjat ta’ Robert Abela spiċċa kostrett jikteb fil-MaltaToday fejn reġa’ irrepeta li din ir-riforma se tibda paġna ġdida għall-pajjiż fl-ippjanar – fejn skont hu se tkun qed tiċċelebra ippjanar responsabbli u sensibbli.

Madanakollu l-esperti, l-akkademiċi u l-NGOs qed jibqgħu jisħqu li dawn iż-żewġ abbozzi li Abela jrid jagħmel liġi flimkien ma sħabu għandhom jiġu rtirati minnufih.

Fil-jiem li għaddew, anke l-editur tal-Malta Independent wasal għall-konklużjoni li dawk li qed jappellaw lill-Gvern biex jirtira l-liġijiet proposti u jmur lura għad-drawing board għandhom raġun. Il-Partit Nazzjonalista saħansitra għamel mozzjoni fil-Parlament sabiex dan iseħħ; madanakollu l-Membri tal-Kabinett qed jibqgħu jinsistu li dawn ir-riformi huma tajbin.

Bosta kritikaw il-fatt li Robert Abela ittanta jdaħħal dawn ir-riformi baxx baxx waqt li kulħadd ikun aljent bis-sajf; riformi li mistennija jbiddlu wiċċ l-ippjanar. U skont l-esperti jagħtu inqas saħħa liċ-ċittadin.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva dan il-pass ta’ Robert Abela bħala froġa medjatika, għaliex ma saret ebda konsultazzjoni – iżda jiem wara li nqala’ kjass assolut, il-Gvern ħoloq malajr malajr sottokumitat immexxi minn Mark Mallia, fejn fih qiegħed lil Ministri Owen Bonnici, Miriam Dalli, Jonathan Attard, Ian Borg u Clint Camilleri.  

Liema deċiżjoni waslet għal qasma fi ħdan il-Grupp Parlamentari bid-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis joħroġ kontra tali għażla, u d-Deputat Katya De Giovanni tagħti x’tifhem li m’għandhiex fiduċja f’kulħadd.

Il-Ħadd, f’intervista mal-MaltaToday Zammit Lewis kompla jikkritika lill-Prim Ministru u insista li mhux jiddawwar b’nies validi. Huwa insista li t-tmexxija tal-Gvern għandha bżonn aktar nies ta’ esperjenza li jafu x’inhuma jagħmlu – botta ċara li turi kif jinsab mnaffar li hu u uħud minn sħabu qed jitħallew barra, filwaqt li Robert Abela qed jiddawwar b’nies li jqiegħdulu narrattiva politika infantili.

Eżempju ċar ta’ dan huwa l-fatt li biex jikkonvinċi liċ-ċittadini li l-proposti li qed jimbotta huma tajbin irid ibigħielhom bil-qali tal-laħam fl-għelieqi.

Il-verità hi, li lista sħiħa ta’ għaqdiet, esperti, akkademiċi, edituri, flimkien ukoll ma’ Membri mill-Partit tiegħu stess u l-appell sod tal-Partit Nazzjonalista qed jgħidulu biex jirtira dawn l-abbozzi u joħroġ b’xi ħaġa aħjar – b’rispett lejn l-intelliġenza tal-poplu.