Wara li John Attard Montalto stqarr bla tlaqlieq li l-Avukat Ġenerali għandha tirriżenja, mal-ewwel bdiet kampanja ta’ attakki fuq minn fake profiles Laburisti u l-klikka żgħira ta’ Robert Abela – dan sabiex jippruvaw jagħlqulu ħalqu. Fuq quddiem nett f’din il-kampanja maħmuġa, kien hemm l-uffiċjal tal-Partit Laburista Neville Gafà.
L-appell tal-eks MEP u eks Ministru Laburista John Attard Montalto kien ippubblikat ilbieraħ f’artiklu fil-gazzetta ‘The Sunday Times of Malta’, fejn l-eks Deputat Laburista saħaq li l-Avukat Ġenerali hija inkompetenti u għandha tirreżenja b’mod immedjat sabiex tiġi żgurata ġustizzja ta’ veru, bi prosekuzzjoni f’pajjiżna li ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Kien għalhekk li John Attard Montalto appella għal standards ferm aħjar anke fuq il-kwalità tal-provi miġjuba, bl-eks MEP Laburista jisħaq li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu biex jiġu ssalvagwardjati ċerta persuni kapaċi jwasslu għal riperkussjonijiet kbar. Fost dawk imsemmija kien hemm fost l-oħrajn il-fattur tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u anke fakkar fl-eventwalità ta’ kawżi kontra l-istat Malti fil-Qorti Ewropea.
Pronti bdew l-attakki fuqu minn partitarji tal-klikka ta’ Abela, u numru ta’ profili fuq il-media soċjali li huma ko-ordinati minn Kastilja. Ma’ dawn, kien hemm Neville Gafà illi allega li Attard Montalto għandu problemi ta’ saħħa fiżika kif ukoll mentali.
Fuq Facebook, it-tifla tal-eks Ministru Laburista qalet li dak li qed jintqal minn dawn l-individwi kien kollu “paroli fil-vojt”. U kien hemm min saħansitra implika li mhuwiex fi stat ta’ saħħa tajba.
Rebecca Attard Montalto pront wieġbet: “Missieri jinsab fi stat tajjeb għal min qed jiddubita!”
