Il-qtil ta’ ħames ġurnalisti mal-Istazzjon Al Jazeera waqt attakk tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-Belt ta’ Gaza qed jissejjaħ bħala ‘azzjoni premeditata’ mid-diretturi ta’ dan l-istazzjon…Dan meta l-organizzazzjonijiet tal-media qed jikkundannaw l-azzjoni qattiela li spikkat fl-aħħar 48 siegħa ta’ vjolenza kontinwa fil-Medda ta’ Gaza.
Il-ġurnalisti kienu fost seba’ persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-attakk – bil-militar Iżraeljan isostni li l-mira ewlenija kien il-korrispondent, Anas al-Sharif,li allegatament ‘serva bħala Kap ta’ entità terroristika affiljata mal-grupp Ħamas’.
Madankollu, il-kelliema għal Al Jazeera saħqu li l-qtil tal-ġurnalisti kien ir-riżultat ta’ ‘assassinju li kien ippjanat minn qabel’ — fost l-akkużi li Iżrael qed ‘jirrikorri għall-attakki sfaċċati fuq il-media ħielsa u indipendenti’.
Hu minnu, sadanittant, li l-Gvern Iżraeljan qed jirrifjuta l-preżenza tal-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet internazzjonali fl-artijiet ta’ Gaza. U f’din is-sitwazzjoni, ħafna sorsi tal-aħbarijiet qed ikollhom jiddependu mir-rapporti tal-ftit ġurnalisti li ilhom f’Gaza sa mil-bidu tal-gwerra bejn il-Ħamas u l-qawwiet Iżraeljani, f’Ottubru tal-2023.
Fl-istess ħin, xi sorsi tal-istampa barranija sostnew li mhumiex daqstant konvinti bl-istqarrijiet ta’ Iżrael rigward ‘il-konnessjonijet tal-ġurnalista Anas al-Sharif mat-terroriżmu’.
Madankollu, xi sorsi mal-BBC indikaw ukoll li Sharif, qabel il-gwerra, kien qed jaħdem ma’ entità tal-media tal-Ħamas ibbażata f’Gaza.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti ħareġ stqarrija biex jesprimi ‘xokk u kundanna’ dwar il-qtil tal-ġurnalisti fil-Belt ta’ Gaza. L-istqarrija kompliet li, sallum, inqatlu madwar 186 ġurnalist mill-bidu tal-offensiva kbira tal-Iżraeljani fuq il-ġellieda tal-grupp Ħamas.
//= $special ?>