Robert Abela mhux kuntent b’Joseph Muscat – u viċi versa.
Dan hekk kif kull ftit żmien il-predeċessur tiegħu jkun irid juri lill-Prim Ministru li hu għad għandu saħħa akbar minnu fi ħdan il-Partit Laburista u l-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali.
L-aħħar episodju kien il-fatt li waqt li Abela kien qed jiġi intervistat fuq il-midja tas-Super One – Joseph Muscat iddeċieda li joħroġ jisraqlu l-attenzjoni fuq Facebook u tah ċamata rigward il-kwistjoni tar-riformi tal-Ippjanar.
Joseph Muscat iddeskriva dawn ir-riformi u aktar minn hekk il-mod kif Abela u t-tim tiegħu mexxew din il-kwistjoni bħala ‘froġa medjatika’.
Għal dawn l-aħħar xhur u snin Robert Abela prova jwettaq bidla interna billi jżomm lil niesu madwaru u jwarrab lil dawk affiljati ma’ Joseph Muscat madanakollu l-pjan fallielu għal kollox hekk kif kien kostrett jerġa’ jdaħħal lil Jason Micallef fi ħdan il-Labour….u ma jista’ jgħid xejn kontra Neville Gafà li l-Labour m’għandu ebda kontroll fuq il-blog tiegħu – agħar minn hekk issa xeħtu jagħmel xogħol f’Għawdex.
Dan il-battibekk wasal saħansitra biex nies ta’ Joseph Muscat, bħal Edward Zammit Lewis joħorġu kompletament all out kontra t-tmexxija ta’ Abela.
Għaldaqstant sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li tkellmu ma’ Net News saħqu li Robert Abela jrid jixkef snienu ma ta’ Muscat hekk kif qed iħejji għal Elezzjoni Ġenerali u ma jridx li jagħmel elezzjoni oħra fid-dell li ġej minn Burmarrad…bħal ma’ seħħ waqt l-Elezzjoni tal-Ewropa u tal-Kunsilli Lokali.
Jidher li d-diskors ta’ Robert Abela li se jkun qiegħed jagħmel l-aqwa budget fl-istorja ttieħdet bħala botta diretta mit-tim ta’ Muscat li dan mingħalih li se jkun aqwa minnu. Dan b’wirja ċara li Abela jrid juri li hu qed imexxi l-Labour , meta fil-verità qalulna li “x’ħin irid Muscat jista’ jerġa’ jiġi u joħroġ għal-Leader tal-Labour għax lil Robert Abela inniżluh f’radda ta’ salib”.
L-istess sorsi infurmawna wkoll li budget day qed iħejju għat-tieni ġimgħa ta’ Ottubru li ġej, kważi xahar qabel mis-soltu – dan għaliex apparti li Abela qed juri x-xewqa għal elezzjoni bikrija – hemm xnigħat ta’ min jorbot fuqhom li pajjiżna jaf ikun qiegħed iħabbat wiċċu ma’ sfidi ekonomiċi li l-istess Abela ma jixtieqx jarahom ifaqqgħu ma’ wiċċu qabel kampanja elettorali.
//= $special ?>