L-Ambaxxaturi tan-Nazzjonijiet Uniti kundannaw il-pjani ta’ Iżrael biex jassumi kontroll assolut fil-Belt ta’ Gaza anki waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, kompla jinsisti li ‘dan hu l-aħjar mod biex l-Iżraeljani jwasslu għat-tmiem tal-gwerra. Netanyahu hu wkoll konvint li l-offensiva pjanata għandha titmexxa b’ritmu mgħaġġel u sal-punt fejn ‘il-Medda ta’ Gaza tkun ħielsa mill-Ħamas’.
Netanyahu, fl-istess ħin, tenna li l-ostaġġi Iżraeljani li għadhom qed jinżammu mit-terroristi huma ‘l-uniċi nies li spiċċaw suġġetti għall-ġuħ sfurzat’. Dan waqt li ċaħad li Iżrael qed jimplimenta apposta kampanja biex jiċħad lill-poplu ta’ Gaza mill-ikel.
Intant, Iżrael kien suġġett għall-krifika qawwija waqt laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti — bir-Renju Unit, Franza u pajjiżi oħra jwissu li l-pjan tal-Iżraeljani dwar il-futur tal-Belt ta’Gaza għandu jabbuża r-regoli umanitarji.
Dawn il-pajjiżi, l-istess bħad-Danimarka, il-Greċja u s-Slovenja, ħeġġew biex Iżrael ma jkomplix bi pjan li, fi kliemhom, mgħandux jaċċerta r-ritorn tal-ostaġġi Iżraeljani…Pjan li għandu wkoll iżid il-possibbiltà għall-mijiet tal-imwiet ġodda f’Gaza.
Fl-istess ħin, iċ-Ċina qalet li ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn il-poplu kollu ta’ Gaza jbati piena kollettiva għall-azzjonijiet ta’ grupp partikulari (b’referenza għall-Ħamas). Intant, ir-Russja wkoll wissiet kontra l-intensifikazzjoni tal-ostilitajiet bejn it-truppi Iżraeljani u l-militanti Palestinjani.
Fl-aħħar sigħat, l-Awstralja ħabbret il-pjani biex, ix-xahar id-dieħel, tirrikonxxi lill-iStat tal-Palestina…Deċiżjoni li segwiet passi simili min-naħa ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Kanada, għalkemm l-analisti tal-politika barranija jemmnu dan il-pass, fil-parti kbira, għandu jitqies bħala wieħed simboliku.
//= $special ?>