Internazzjonali

L-UE: ‘Ftehim invalidu mingħajr is-sehem tal-Ukrajna’ — Kaja Kallas

Kaja Kallas, bħala l-Ogħla Rappreżentanta tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, żiedet leħinha ma’ tal-Mexxejja tal-pajjiżi li jridu li l-Ukrajna tkun involuta u konsultata dwar kwalunkwe ftehim għall-paċi wara l-gwerra ta’ aktar minn tlett snin fl-artijiet tagħha.

Kallas, fil-preżent, qed tħejji laqgħa bil-mezzi virtwali mal-Ministri Ewropej għall-Affarijiet Barranin biex huma jiddiskutu l-passi li jmiss rigward l-Ukrajna.

‘L-Istati Uniti għandha l-poteri kollha biex iġġiegħel lir-Russja tidħol għan-negozjati serji’,  sostniet Kallas. Hi kompliet li l-Ukrajna u l-UE għandhom ikunu ‘inklużi’ f’kull ftehim li jintlaħaq bejn Washington u Moska għaliex iċ-ċirkustanzi, fuq kollox, jikkonċernaw il-futur tal-Ukreni u daqstant ieħor is-sigurtà tal-Ewropa.

U Kaja Kallas, għan-nom tal-Ukreni, sostniet li l-liġi internazzjonali tiddikjara biċ-ċar li t-territorji  okkupati kollha tal-Ukrajna huma ‘tal-Ukreni’… Sadanittant, hi wissiet li ftehim ibbażat fuq in-negozjati ma jridx iwitti t-triq għal aktar aggressjoni kontra l-Ukrajna, l-Ewropa u l-Alleanza Transatlantika.

L-Ewropa qed tirreaġġixxi wera li l-President Amerikan, Donald Trump, qal, il-ġimgħa l-oħra, li hu se jiltaqa’ fl-Alaska għal-laqgħat wiċċ-imb-wiċċ mal-President Russu Vladimir Putin anki jekk tal-aħħar jirrifjuta laqgħa simili mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

Zelensky, min-naħa tiegħu, qal li ftehim għat-tmiem tal-gwerra mingħajr il-kontribut ta’ pajjiżu ma jistax jitqies bħala garanzija ta’ paċi.

Il-proposta tar-Russja għal waqfien mill-ġlied irreferiet għall-possibbiltà ta’ skambju li jaċċerta ‘il-kontroll assolut tar-Russi’ fuq it-territorji Ukreni ta’ Donetsk and Luhansk għal waqfien mill-ġlied totali.

Mifhum li l-Ministri Ewropej, f’din il-laqgħa virtwali, anki se jiddiskutu u janalizzaw l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani.