Lokali Qorti

Mhux ħati li kkommetta ġrieħi u hedded mara għax fuq nuqqas ta’ provi u l-każ preskritt

Il-Maġistrat Jean Paul Grech li kien qed jippresedi l-Qorti t’Għawdex illibera Ġermaniż ta’ 48 sena, residenti Marsalforn minn akkużi ta’ ġrieħi ħfief fuq mara u li heddidha. Irriżulta minn xhieda fil-Qorti li l-akkużat kien l-imgħallem tal-mara.

Il-Qorti fis-sentenza qalet li l-każ huwa preskritt fuq l-akkuża ta’ theddid minħabba li l-akkużat kien infurmat bl-akkuża tliet xhur wara li seħħ il-każ. Sadanittant fil-każ ta’ ġrieħi l-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova li dan effettivament seħħ.

Il-Ġermaniż kien qed jiġi mixli li fid-19 ta’ Ottubru 2024, fi Triq il-Vulkan, Marsalforn,kien involut f’incident li fih il-vittma, qalet li sofriet vittmi f’ħalqha kkaġunalha ġrieħi u li kien ħarġilha d-demm. L-argumenti bejn il-partijiet bdew f’ħanut tad-‘diving’ u komplew barra l-ħanut.

Il-vittma qalet fil-Qorti kienet qalet li l-imputat qabadha minn wiċċha u weġġagħha f’ħalqha, u skont hi kien hemm evidenza tad-demm li kienet hemm fuq il-post kien jindika li kkaġunalha ġrieħi. Mill-provi rriżulta wkoll li l-mara għamlet ħin tgħajjar u tilletika mal-akkużat.

Madankollu, l-eżami mediku li sar ftit sigħat wara l-inċident minn tabib kompetenti, il-Professur Melania Formosa, ma sabet l-ebda ġrieħi viżibbli li kienu jindikaw li huma serji, u kklassifikathom bħala ġrieħi ħfief. Min-naħa l-oħra, xhud mara, li kienet preżenti waqt l-inċident, fix-xhieda tagħha qalet li ma rat l-ebda daqqiet jew ħsara fiżika evidenti fuq il-vittma u ma ratx theddid jew aggressjoni fiżika mill-akkużat.

Kull ma kien hemm kien biss qbid mill-idejn u li wara l-akkużat qabdilha ħalqha. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Josef Gauci, kienet tat l-akkużi b’mod formali taħt l-Artikolu 339(1)(e) tal-Kodiċi Kriminali, li jinkludi theddid, u wkoll taħt l-Artikolu 221(1) relatat ma’ ġrieħi ħfief. Fil-Qorti, id-difiża ħarġet l-argument li l-akkuża ta’ theddid kienet preskritta minħabba li n-notifika tal-akkuża saret wara li għaddew aktar minn tliet xhur mill-inċident, jiġifieri l-perjodu li fih dan it-tip ta’ theddid għandu jiġi notifikat.

Il-Maġistrat qabel dan ma konkluda li fil-fatt din l-akkuża waqgħet minħabba l-preskrizzjoni. Rigward l-akkuża ta’ ġrieħi ħfief, il-Qorti enfasizzat li biex tkun hemm kundanna għar-reat ta’ ġrieħi, huwa meħtieġ li jkun hemm prova ċara, oġġettiva u konvinċenti ta’ ġrieħi fiżiċi, kif ukoll prova tal-intenzjoni tal-imputat li jikkawża ħsara.

F’dan il-każ, l-eżami mediku ma kkonfermax l-eżistenza ta’ tali ġrieħi u l-verżjoni tal-vittma ma kienet appoġġata mill-ebda evidenza oħra li kienet tipprova b’mod sodisfaċenti dak li tgħid. Il-Qorti qalet ukoll li l-allegata vittma qalet li kellha d-demm fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ xuftejha, xi ħaġa li ma kienitx ikkolaborata minn xi xhieda.

Il-Qorti nnutat ukoll li ma kien iwaqqaf xejn lil mara milli tieħu ritratti bil-mobile tal-ġrieħi li qalet li kellha. Iktar importanti ħadd minn dawk li rawh dak kollu li ġara, ndikaw li ma raw l-ebsa demm fuq il-mara, fejn skont hi kellha qasma f’xuftejha.

Il-Qorti osservat ukoll li kieku l-prosekuzzjoni kienet tixtieq tikkontesta l-każ taħt l-akkuża ta’ tentattiv ta’ użu ta’ forza, dan seta’ jkun possibbli, iżda anke dan ir-reat kien preskritt għax il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex tinġabar l-akkuża kien ilu għadda.

Fl-aħħar nett, minħabba n-nuqqas ta’ evidenza sodisfaċenti u l-preskrizzjoni tal-akkużi, il-Qorti ħelset liċ-ċittadin Ġermaniż minn kull akkuża, u ma ħarġitx ordni ta’ protezzjoni jew kwalunkwe restrizzjoni fuq l-imputat.