Raġel ta’ 42 sena residenti l-Mosta nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie akkużat li keskes il-kelb għal missieru ta’ 69 sena, u kkaġunalu ġrieħi gravi. Il-każ seħħ il-Ħamis li għadda meta, skont il-prosekuzzjoni, il-missier daħal fir-residenza fejn jgħix l-imputat flimkien ma’ ommu.
L-allegat vittma mar fil-kamra fejn kien hemm ibnu u l-kelb u staqsieh jekk kinux se jirranġaw xi kwistjonijiet li kellhom bejniethom. L-imputat wieġbu fin-negattiv u, wara skambju ta’ kliem, allegatament ħall il-kelb li attakka lill-missier, li kellu jingħata kura medika fl-Isptar Mater Dei.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, billi sostniet li kien il-missier li daħal fuq il-post u li l-imputat għandu xogħol fiss u fedina penali nadifa. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ ntralċ fil-provi, billi għad irid jixhed il-missier kif ukoll l-omm tal-imputat li kienet preżenti.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, qablet mal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Ġiet ukoll imposta ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
//= $special ?>