Opinjoni

OPINJONI: Elezzjoni Kap PN għall-bidu ta’ Settembru

Jissokta l-proċess ta’ verifika mill-Kummissjoni Kandidati PN u li eventwalment għandu jwassal għall-elezzjoni tal-ħatra ta’ Kap ġdid

minn Charles Bonello
Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista

Il-proċess jinsab fil-fażi ta’ due diligence fejn il-Kummissjoni Kandidati PN qiegħda tagħmel il-verifiki tagħha. La jien u anqas ħadd m’għandu xi ebda influwenza fuqha u għalhekk din il-Kummissjoni qiegħda tagħmel il-ħidma tagħha skont kif jidhrilha.
Dan hu l-proċess issa wasal lejn tmiemu u nistqarr li f’dan il-proċess ma nafx x’inhu jiġri u anqas irrid li nkun naf għaliex f’dan l-istadju kollox hu f’idejn il-Kummissjoni Kandidati li hi Kummissjoni awtonoma u li jien m’għandi l-ebda dubju dwar ix-xogħol tajjeb li din qiegħda tagħmel.
Din hi Kummissjoni magħmula minn persuni tal-affari tagħhom u nista’ niżvela kif meta jien ġejt biex ninħatar Segretarju Ġenerali tal-PN, din il-Kummissjoni kienet għamlet eżerċizzju profond miegħi għar-rigward ta’ verifika.
Dan għalija jfisser li jekk dakinhar kienu ħadu dan l-intrigu ta’ verifika b’tant serjetà, aħseb u ara issa meta din il-Kummissjoni qiegħda taħdem fi proċess li jrid iwassal għall-ħatra ta’ kap ġdid tal-PN. M’għandi l-ebda dubju dwar is-serjetà li biha qiegħda taħdem din il-Kummissjoni li żgur li se tkun qiegħda toħroġ b’riżultati tajbin… rapporti ġusti u serji.
Fil-frattemp u għalkemm uffiċjalment il-Kummissjoni Elettorali – li hi wkoll Kummissjoni awtonoma – bħalissa m’għandhiex funzjoni sakemm jingħalaq il-proċess mill-Kummissjoni Kandidati, qegħda taħdem fuq numru ta’ preparamenti fir-rigward tal-loġistika b’rabta mal-elezzjoni li trid issir.

Il-Kummissjoni Elettorali
Insellem lill-membri tal-Kummissjoni Elettorali għall-ħidma tagħha li qiegħda timbarka fuq diversi aspetti tal-loġistika. Din il-Kummissjoni qiegħda tara wkoll li l-proċess tat-tesserament isir kif suppost. Tajjeb li ngħid li appena jagħlaq il-perjodu tat-tiġdid tat-tesseri, imbagħad dan il-proċess jingħalaq u ħadd ma jkun jista’ jġedded it-tessera tiegħu darba jkun għalaq iż-żmien stipulat.
L-appell tiegħi f’dan il-mument hu li flok wieħed joqgħod jispekula, għandha tassigura li jekk hi tesserata allura għandha kollox f’postu biex dakinhar tal-elezzjoni tkun tista’ tivvota. Dan jista’ jsir billi dak li jkun jiċċekkja mal-Uffiċċju tat-Tesseri biex jassigura li għandu t-tesseri kollha mħallsa u jekk le, allura jiġi fid-Dar Ċentrali fejn qed jingħata servizz apposta mid-9am sas-7pm, u dak li jkun iħallas it-tesseri pendenti li għandu.
Din hi elezzjoni ferm importanti li se twassal għal kap ġdid tal-PN; kap li minnu se jkun jiddependi ħafna l-futur tal-PN fis-snin li ġejjin.
Jekk mistoqsi dwar meta hu previst li ssir din l-elezzjoni, allura jkolli ngħid li din hi deċiżjoni f’idejn il-Kummissjoni Elettorali iżda kollox jindika li din hi elezzjoni li se ssir fil-bidu ta’ Settembru li ġej.
Finalment nista’ ngħid li din il-kampanja qed tissokta biż-żewġ kandidati prosettivi jiltaqgħu man-nies, mat-tesserati u jwasslu l-messaġġi tagħhom.
Kelli wkoll l-opportunità li fil-jiem li għaddew niltaqa’ magħhom u flimkien iddiskutejna numru ta’ suġġetti interessanti b’risq il-PN biex hekk il-ħidma tkompli.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 10 ta’ Awwissu, 2025.