Opinjoni

OPINJONI: Jien ma naqta’ qalbi qatt għax nemmen li xejn mhu impossibbli

minn Adrian Delia

L-istedina tiegħi hi li nkunu l-bidla rebbieħa. Flimkien, mingħajr preġudizzji. Nerġgħu nqawwu l-qalb kbira u qalbiena li tant aħna magħrufin għaliha aħna n-Nazzjonalisti. Għax aħna nħobbu lil pajjiżna mhux nużawh u nisfruttawh ħażin bħalma jagħmel ħaddieħor.

Jien ma naqta’ qalbi qatt għax nemmen li xejn mhu impossibbli

Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda mill-aktar produttiva fejn komplejt niltaqa’ ma’ eluf minnkom, tesserati u partitarji. Festi, ikliet u l-laqgħat politiċi li għalihom qed tirrikorru bi ħġarkom. L-enerġija li tagħtuni bil-kliem ta’ kuraġġ tagħkom timlieni b’enerġija liema bħalha. Qed ninnota tama ġdida f’għajnejkom u fil-mod kif tkellmuni. Kuntent għalhekk li l-messaġġ tiegħi li iva, nistgħu NIRBĦU, qed jiddakkar fikom.

Meta rbaħt il-kawża Vitals, ma ħassejtx li kienet rebħa personali. Ħassejt li tajt lura dak li pajjiżi kien tani. Ħassejt li kienet kisba importanti biex il-Maltin jerġgħu jibdew jemmnu li iva, teżisti ġustizzja, li dak li hu ħażin jista’ jiġi mirbuħ u s-sewwa jirbaħ kif għandu jkun.

Imma l-mixja tagħna lejn pajjiż normali ma tiqafx hawn. Baqa’ ħafna xi jsir u flimkien, se nagħmluh. Jien ma naqta’ qalbi qatt, għax nemmen li xejn mhu impossibbli. L-ebda ostaklu, l-ebda avversarju ma jbeżżagħni għax naf li hemm intom warajja, il-qalb tħabbat soda tal-Partit. Konvint li flimkien nistgħu nagħmlu affarijiet kbar, inwettqu dak li għal wisq snin kien biss ħolma kulma tmur tibjad.

Il-poplu qed jitkellem, leħnu qed jissoda kuljum. Bil-fiduċja tagħkom, naċċerta li dan il-leħen se jissoda dejjem iktar u jsir wieħed rebbieħ. Irridu għalhekk nagħtu leħen lil min m’għandux. Irridu nifhmu l-weġgħat ta’ dan il-poplu fejn mhux kulħadd jidentifika ruħu mal-ftaħir tal-ekonomija b’saħħitha li jiftaħar biha l-Gvern. Hawn ħafna, wisq nies fil-bżonn. Irridu ngħinu lil kulħadd jasal.

Għalhekk l-istedina tiegħi hi li nkunu l-bidla rebbieħa. Flimkien, mingħajr preġudizzji. Nerġgħu nqawwu l-qalb kbira u qalbiena li tant aħna magħrufin għaliha aħna n-Nazzjonalisti. Għax aħna nħobbu lil pajjiżna mhux nużawh u nisfruttawh ħażin bħalma jagħmel ħaddieħor.

Għalhekk, ejjew ningħaqdu, ejjew inkunu vuċi waħda u soda. Ejjew Nazzjonalisti, ejjew bl-eluf minn tagħkom, ejjew NIRBĦU.