minn Alex Borg
Il-mudell ta’ tkabbir ta’ Malta fis-snin riċenti ffoka ħafna fuq il-kwantità aktar milli fuq il-kwalità, b’aktar prijorità għat-tkabbir mgħaġġel milli għall-wellbeing fit-tul.
Dan ħalla pressjoni fuq infrastruttura, għoli tal-ħajja dejjem jogħla, u kwalità ta’ ħajja dejjem sejra għall-agħar.
Jekk irridu nassiguraw livell t’għixien sostenibili , irridu nimxu mill-mudell li jqiegħed it-tkabbir l-ewwel, għal mudell ta’ wellbeing economy, li tagħti valur lin-nies, lill-komunitajiet u lis-sostenibbiltà daqs kemm jagħti valur lit-tkabbir ekonomiku.
Għalhekk se nkun qed nipproponi li fuq bażi nazzjonali jkollna forum speċjalizzat fuq Balanced Growth Framework. Dan il-forum rappreżentattiv ibiddel il-focus tal-iżvilupp lejn triq aktar stabblilita u sostenibbla, u jiżgura li l-progress ekonomiku jittraduċi f’titjib reali fil-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-proposta li se nkun qiegħed nimbotta għandha tfassal strateġiji nazzjonali fuq dawn il-pilastri ewlenin:
L-iżvilupp għandu jkun iffukat fuq sostenibilta u l-kwalità tal-ħajja. Malta trid tħaddan żvilupp responsabbli, li jiżgura tkabbir li jkompli joħloq opportunitajiet u investiment, filwaqt li jipproteġi l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Jeħtieġ li nbiddlu l-mentalita u ninkoraġixxu proġetti sostenibbli li joħolqu impjiegi ta’ kwalita u jtejbu l-infrastruttura filwaqt li nħarsu spazji miftuħa u niżguraw li l-iżvilupp jirrispetta l-ambjent ta’ madwaru. Għandu jkun hemm inċentivi lil min jinvesti fi proġetti sostenibbli, ta’ kwalità u orjentati lejn il-komunità, bħar-riġenerazzjoni urbana, standards ta’ bini ekoloġiċi u djar li jirriflettu r-realtajiet tal-lum.
Nikkommettu ruħna għal soluzzjoni nazzjonali ta’ mass transport li tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u l-ħinijiet tal-ivvjaġġar, filwaqt li tnaqqas l-emissjonijiet. Nespandu żoni pedonali u infrastruttura għar-roti fiċ-ċentri urbani. Nużaw sistemi diġitali għal ġestjoni aktar intelliġenti tat-traffiku u tas-soluzzjonijiet tal-parkeġġ.
L-affordabilita tad-djar trid tkun meqjusa bħala pilastru tal-ekonomija, mhux bħala prodott sekondarju. Irridu inħeġġu żvilupp bilanċjat li jagħti prijorità lill-proġetti ta’ residenzi sostenibbli flimkien ma’ spazji ħodor, ġonna tat-tfal u ċentri kulturali.
Irridu Inssaħħu s-servizzi tas-saħħa b’focus fuq kura preventiva u ċentri fil-komunità, u nnaqqsu l-pressjoni fuq l-isptar.Nespandu faċilitajiet ta’ kura fit-tul u servizzi ta’ appoġġ għall-anzjani tagħna, biex jiġi żgurat rispetto, dinjita u kwalità ta’ ħajja. Ninvestu fil-prevenzjoni u l-kura tas-saħħa mentali, billi nintegraw is-servizzi fil-komunitajiet li jkunu aktar aċċessibli. Issir kampanja qawwija edukattiva li tassigura li titneħħa l-istigma dwar it-tiftix tal-għajnuna relatat mas-saħħa mentali.
Irrid li nippreparaw lil Malta għar-realtajiet demografiċi billi noħolqu pjan nazzjonali li jiżgura li l-anzjani jgħixu b’dinjità u jibqgħu jikkontribwixxu b’mod attiv fis-soċjetà.
Nappoġġaw inizjattivi ta’ “ageing in place”, li joffru kura tas-saħħa u servizzi soċjali u nsaħħu l-għajuniet biex l-anzjani jkomplu jgħixu f’darhom u meta ma jkunx possibli isibu djar tal-anzjani affordabbli.
Nespandu programmi ta’ taħriġ għal carers u professjonisti tas-saħħa biex nilħqu mad-domanda dejjem tiżdied.
Se naħdem biex ikollna ekonomija tas-suq (market economy) soċjali li taħdem għall-ħafna u mhux għall-ftit. Għalhekk nikkommettu l-impenn ta’ Malta għal mudell ekonomiku ġust li jirrikonoxxi l-intrapriża, l-innovazzjoni u x-xogħol iebes filwaqt li jipproteġi l-vulnerabbli.
Nistabbilixxu mekkaniżmi biex nipproteġu l-familji mill-ispejjeż dejjem jogħlew tal-għajxien, inklużi policies dwar l-għoli tal-ħajja, utilities, bħad-dawl u l-ilma u l-fuel u l-oġġetti essenzjali.
Noħolqu inċentivi għal negozji li jinvestu f’impjiegi ta’ kwalità, f’turiżmu ta’ kwalita u f’industriji sostenibbli għall-ambjent, biex nassiguraw investiment fit-tul u sostenibbli.
Irrid li Inpoġġu l-green infrastructure fil-qalba tal-ippjanar ekonomiku: ninvestu fl-enerġija rinnovabbli, fit-tnaqqis tal-iskart u f’teknoloġiji nodfa.
Inħeġġu green and digital economy, billi nappoġġaw lill-SMEs u start-ups fis-setturi bħall-enerġija rinnovabbli, l-AI u l-innovazzjoni diġitali.
Nassiguraw li t-tkabbir teknoloġiku jkun immexxi minn standards etiċi li jħares d-drittijiet tal-bniedem.
Se nara li jiġi indirizzat l-impatt tal-inflazzjoni fuq il-familji Maltin u Għawdxin permezz ta’ miżuri li jipproteġu l-pagi kontra l-għoli tal-ħajja.
Dan il-politika tinċentiva tkabbir ekonomiku li jżomm l-ekonomija tagħna b’saħħitha mingħajr ma jissagrifika l-kwalità tal-ħajja, l-ambjent jew il-well being tas-soċjeta tagħna li taffaċċja sfidi fil-ħajja ta’ kuljum.
Billi nintegraw l-ippjanar urban, is-saħħa, id-djar, it-trasport, is-sostenibbiltà ambjentali u l-ġustizzja soċjali, nibnu Malta ġusta: bilanċjata, reżiljenti u tassigura kwalita ta’ ħajja aħjar.

