“Mietu 18-il persuna fit-toroq tagħna fl-2025. Imwiet li ma ġrawx b’inċident imma huma riżultat mistenni ta’ nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna”.
Hekk iddikjarat l-għaqda Doctors for Road Safety fi stqarrija ppubblikata wara dak li kien it-18-il inċident fatali ta’ din is-sena…li fih inqatel in-Nepaliż Khim Bahadur.
Dan ir-raġel ta’ 42 sena li kien jaħdem mal-Wolt, tilef ħajtu wara li ittajjar minn vettura misjuqa minn żagżugħ taħt l-età, li għandu 17-il sena.
Fi stqarrija, it-tobba appellaw b’mod mill-aktar urġenti lill-Gvern sabiex jimplimenta testijiet sporadiċi biex jinqabad l-abbuż mid-drogi u l-alkoħol – xi ħaġa li bħalissa mhix issir.
It-tobba jridu wkoll infurzar akbar fit-toroq, u l-implimentazzjoni ta’ Vision Zero – sistema li tħares lejn l-aspetti kollha tas-sigurtà fit-toroq, biex jitnaqqsu għal żero il-fatalitajiet.
It-tobba spjegaw illi dawn mhux proposti ta’ barra minn hawn, imma huma miżuri sempliċi ħafna u li jintużaw madwar id-dinja kollha. Huma fissru ukoll illi tmintax-il persuna mejta, huma tmintax-il familja mfarrka u mkissra bi traġedji li setgħu ġew evitati totalment. Fejn tennew li dawn huma riżultat ta’ nuqqas ta’ sigurtà u mhux inċidenti. Dawn il-familji ħaqqhom ġustizzja, u ġustizzja li tkun tanġibbli billi jiġu implimentati dawn il-miżuri sabiex il-pajjiż jipprevjeni aktar mwiet.
//= $special ?>