Lokali

“Proġett li se jneffaħ il-bwiet tal-ftit” – L-MDA b’ittra miftuħa lill-Abela u l-Arċisqof

Kull indikazzjoni qed turi li qed tiġu żgwidati – din l-iskema għandha l-elementi kollha biex tkun fjask. Dawn li se jibbenefikaw minnha, fil-maġġorparti tagħhom se jkunu l-iżviluppaturi privati li se japprofittaw minn prezzijiet minfuħa u miżjuda artifiċjalment.

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupp, Leon Chetcuti f’ittra miftuħa indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna b’rabta mal-kollaborazzjoni mħabbra ftit tal-ġimgħat ilu bejn il-Knisja u l-Gvern fir-rigward tal-Housing Affordabbli.

Chetcuti saħaq li wara x-xinxilli u l-headlines hemm ir-riskju li dan kollu jservi biss l-interessi tal-ftit aktar milli l-interessi tal-poplu.

Huwa sostna li d-dubji mhux fir-rigward tal-proċess imma l-iskema nnfsiha. L-iskema se tkopri ftit mijiet ta’ appartamenti bi prezz imnaqqas bi 30% taħt il-valur tas-suq iżda Chetcuti spjega li meta wieħed janalizza n-numri….jifhem li l-kwistjoni hija aktar dwar spekulazzjoni ssussidjata permezz ta’ art pubblika.

Iċ-ċifri preżentati mill-MDA u magħmula mill-KPMG urew li grazzi għal din l-iskema l-profitti għall-iżviluppatur se jkun aktar milli jirdoppja. Dan hekk kif saħaq li minkejja li l-art se tkun gratis, il-profitti tal-iżviluppatur se jkunu qed jilħqu l-marġini ta’ 33%….meta ssoltu jkunu biss 15%.

Chetcuti spjega li dan kollu mhux housing affordabbli, imma spekulazzjoni mhux affordabbli moħbija taħt il-mant ta’ politika soċjali.

Huwa kompla jisħaq li la darba vera se jkun proġett soċjali, id-discount għandu jkun 48% u mhux 30% – bil-għan li jkun riflessjoni ċara tal-art gratis li qed tingħata.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni sostna li jekk l-għan huwa l-ispirtu ta-serviz pubbliku, anke l-iżviluppaturi huwa mistennija li jnaqqsu l-profitti tagħhom f’dan il-każ.

Madanakollu huwa insista li tali tnaqqis fil-prezzijiet se jkun qed joħloq anomaliji bejn dawk li se jibbenefikaw minnhom u min mhux.

Filwaqt li insista li uħud se jsibuha ironika li l-MDA proprju qed titkellem b’dan il-mod, insista li l-assoċjazzjoni dejjem se tibqa konsistenti ċioè li l-art pubblika għandha tkun użata biss għal metodi ġusti u trasparenti.

Huwa awgura li l-housing affordabbli ma jkunx użat bħala vejikolu ta’ spekulazzjoni għad-dannu tas-soċjetà.

Chetcuti spjega li ħidma bħal din trid tkun msejsa fuq il-fiduċja u l-kontabbiltà u mhux biex tneffaħ il-bwiet tal-ftit.