Repubblika ttenni l-prinċipju li s-soċjetà ċivili għandha rwol ċentrali fl-għamla tal-liġijiet u l-politika li jiggvernawna. Huma qalu li jemmnu li konsultazzjoni miftuħa, trasparenti u inklussiva hija ħtieġa essenzjali għad-demokrazija. Minkejja dan, għal darb’oħra l-gvern għażel li jaġixxi bl-oppost: billi jimbotta tibdil fil-liġi b’konsegwenzi serji ħafna fuq l-ambjent mingħajr djalogu effettiv ma’ dawk l-aktar milquta.
Huma qed jesprimu tħassib serju li kif spiss ġara fl-imgħoddi, il-politika dwar l-ippjanar qed titfassal biex isservi l-interessi privati ta’ dawk li bil-ħabi jappoġġjaw finanzjarjament u politikament lill-partit fil-gvern. Meta l-liġijiet jinkitbu hekk, ma jservux lill-ġid komuni, jherru l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet, u jmermru s-sisien tad-demokrazija tagħna.
Dawn l-abbozzi ta’ liġijiet dwar l-ippjanar mhux biss jheddu l-integrità demokratika, iżda wkoll jheddu l-futur tagħna lkoll. L-ambjent mibni u naturali qed jitkisser u jinqered b’rata allarmanti. Pajsaġġi, wirt storiku, u biodiversità qed jintilfu u ma jistgħux jinġabu lura. Komunitajiet sħaħ qed jitħallew bi kwalità tal-ħajja agħar, waqt li kull ma jmur, Malta qed issir post fejn ma tistax tgħix. Il-konsegwenzi fit-tul ta’ din il-qerda se jitħallsu minn uliedna u wlied uliedna, u l-ħsara ma tkun tista’ tissewwa qatt.
Għal dawn ir-raġunijiet, Repubblika tappoġġja l-appell li għamlu l-għaqdiet tal-ambjent lill-gvern: irtira dawn l-abbozzi minnufih.
Huma qed jinsistu li kull riforma tas-sistema tal-ippjanar trid tiġi wara proċess ġenwin u effettiv ta’ konsultazzjoni. Il-proċess irid ikun trasparenti, b’sehem wiesgħa, u bl-għan iddikjarat li jipproteġi lill-ambjent mill-abbuż, mhux l-għan oppost li jiffaċilita l-abbuż tal-ambjent.
L-għamla tal-liġijiet għandha tkun miftuħa, bis-sehem sħiħ tas-soċjetà ċivili, fejn l-interess pubbliku, u mhux il-qliegħ tal-ftit, ikun il-prinċipju li jiggwidana lkoll. Insejħu għalhekk lill-Maltin ta’ rieda tajba li jkunu attenti u lesti biex isegwu struzzjonijiet tal-għaqdiet tal-ambjent għal meta l-pubbliku hu meħtieġ isemma’ leħnu. Il-protesta paċifika demokratika u r-reżistenza fil-qafas legali mhumiex biss drittijiet: huma responsabbiltà meta d-demokrazija u l-ambjent jisfaw mhedda.
Repubblika qed jesprimu solidarjetà ma’ dawk li qed jaħdmu biex jipproteġu lil Malta minn politika li sservi l-ftit u tara sal-ponta ta’ mneħirha. Issa ż-żmien għall-azzjoni. Huma qalu li flimkien nistgħu, u għandna, niddefendu pajjiż li tista’ tgħix fih, il-wirt naturali u storiku tiegħu, u l-valuri demokratiċi tagħna lkoll.
//= $special ?>