Raġel ta’ 29 sena mis-Somalja, Sacid Mohamed Abdillah, tressaq il-Qorti u nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie akkużat b’traffikar ta’ kokaina f’distanza ta’ 100 metru minn klabb frekwentat minn żgħażagħ, ħasil ta’ flus, nuqqas li jagħti d-dettalji tiegħu lill-pulizija, użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku u reċidiva.
Il-każ seħħ meta tliet pulizija kienu fuq ronda fi Triq San Ġorġ, Paceville, u wieħed minnhom innota trab abjad fuq il-mobile ta’ turist Ungeriż. Wara tfittxija, l-pulizija sabu pakkett żgħir b’sustanza suspettata kokaina.
It-turist ammetta li xtraha għal €60 permezz u li ħallas fuq Revolut. Huwa offra li juri lill-pulizija minn fejn kien xtraha. Il-pulizija arrestaw lil Abdillah li kien qed iġorr €1,010 fi flus kontanti iżda ma kellux droga fuqu. Huwa qal lill-pulizija li ilu diversi xhur bla xogħol u bla saqaf fuq rasu.
L-avukat tal-għajnuna legali Sarah Vassallo Ciliberti talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekutur Julian Scicluna oġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba n-natura serja tal-akkużi, li jġorru piena ta’ bejn sitt xhur u 10 snin ħabs.
Huwa żied jgħid li peress li l-akkużat qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, ma jistax jibbenefika minn ordni ta’ probation jew jidher quddiem il-Qorti tad-Droga jekk jinstab ħati. Id-difiża rrimarkat li Abdillah ilu 10 snin jgħix Malta u jista’ jipprovdi indirizz fejn jgħix, li ngħata lill-Qorti.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-AĠ u assistit mill-Ispetturi Dylan Pace u Christian Xuereb, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi. Il-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll ordni ta’ ffriżar tal-assi tal-akkużat.
//= $special ?>