F’dinja fejn il-kultura spiss tintilef fl-istorbju tal-mument, serata artistika ser tpoġġi l-istorja u l-identità Maltija fuq quddiem nett.
Fid-19 u 20 ta’ Settembru, il-Pjazza tal-Munxar f’Għawdex se tittrasforma f’spazju teatrali ta’ emozzjoni u
spettaklu, hekk kif se tittella’ produzzjoni mużikali oriġinali bil-Malti bl-għan li tieħu lill-udjenza vjaġġ fiż-żmien.
Bil-parteċipazzjoni ta’ artisti u kantanti ferm magħrufa fix-xena lokali, bil-parteċipazzjoni ewlenija ta’ Kurt Calleja, kitba ta’ Brian Bonnici, mużika ta’ Mro Antonie Mercieca u arranġament ta’ Mro Joe Brown, direzzjoni ta’ Carlos Farrugia u Alan French u bil-parteċipazzjoni ta’ Lapes u Nadine, Clara Sciberras, Chiara
Siracusa u Kurt Anthony, din il-produzzjoni unika se tmiss il-qalba tagħna bħala poplu: mill-magħmudija ta’ Malta fil-Kristjaneżmu sal-epoka storika tal-Kavallieri, f’armonija artistika ta’ tema nazzjonali u spiritwali.
Il-Musical ser joffri żewġ mumenti storiċi F’Punt wieħed.
Il-musical ser jiftaħ b’mument kruċjali fl-istorja tagħna – il-wasla ta’ San Pawl fuq il-gżira fl-60 W.K., episodju li mhux biss bidel il-kors ta’ pajjiżna iżda pprofonda l-identità spiritwali tal-poplu Malti. Il-mirakli tiegħu, bħall-fejqan tal-missier tal-gvernatur Ruman Publiju u s-sopravivenza minn gidma ta’ serp, wasslu għal konverżjoni mifruxa u fundamentali fir-reliġjon ta’ Malta, li għadu importanti sal-lum.
Il-musical ser jittratta wkoll iż-żmien tal-Kavallieri, fejn taħt il-patroċinju tal-Gran Mastru Pinto, tittella’ produzzjoni teatrali fi żmien ta’ tħassib u dibattitu dwar l-awtentiċità tal-wasla ta’ San Pawl. Dan il-konflitt jagħti dimensjoni oħra lill-produzzjoni, bejn fidi u storja, bejn storja mitika u verità, u jpoġġi l-pubbliku f’nofs id-djalogu.
Dan il-muzikal bil-Malti se joffri tassew spettaklu lil udjenza preżenti kif ukoll jeħodna lura lejn l-istorja u l-identita tagħna il-Maltin. Il-produzzjoni fuq barra ser tkun imżewqa b’effetti ta’ dwal, proġetazzjoni mal-faċċata tal-Knisja tal-Munxar, żfin, u esperjenza immersiva.
Id-dilettanti tat-teatru u tal-musicals, dawk li jħobbu l-istorja ta’ Malta, lill-familji, lil dawk kollha devoti lejn il-kult Pawlin, dawk b’għeruq fil-wirt Kristjan Malti u dawk kollha li qed ifittxu esperjenza awtentika huma mħeġġa sabiex jattendu.
Waqt dan il-musical ser ikun hemm il-preżenza ta’ subtitles għall-udjenza barranija.
Il-biljetti huma disponnibli fuq is-sit Shows Happening.
