Sport Waterpolo

Ta’ Xbiex idawru telfa f’rebħa u se jilagħbu l-finali tan-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni kontra Marsaxlokk

(Ritratt: Catriel Farrugia)

TA’ XBIEX AMIGOS………. 11

BIRŻEBBUĠA……………….. 10

(2-2), (2-3), (3-3), (4-2)

Ta’ Xbiex Amigos dawru telfa f’rebħa fl-aħħar sessjoni biex se jilagħbu l-finali kontra Marsaxlokk MFF. Logħba bilanċjata bejn żewġ timijiet li riedu jgħaddu għall-finali wara kampjonat diżappuntanti. Birżebbuġa urew titjib taħt il-gwida ta’ Stephen Rizzo iżda ma rnexxielhomx jagħlqu l-logħba meta kienu f’pożizzjoni tajba li jirbħu.

Fl-ewwel sessjoni kien Nicholas Bugelli li wieġeb darbtejn wara l-gowls ta’ Julian Farrugia u Roko Pelicaric rispettivament. Pelicaric poġġa lil Ta’ Xbiex 4-2 minn fuq fit-tieni sessjoni iżda rimonta minn Birżebbuġa wasslet biex dawru r-riżultat sa tmiem is-sessjoni b’doppjetta ta’ Bugelli flimkien ma’ gowl ta’ Marco Mannino bejniethom.

Id-differenza bejn it-timijiet baqgħet minima wkoll fit-tielet sessjoni. Ta’ Xbiex kellhom vantaġġ ta’ 7-6 sakemm gowls ta’ Max Aquilina u Nicola Bursac poġġew lil Birżebbuġa gowl vantaġġ. Id-distakk kiber għal tliet gowls fl-aħħar sessjoni permezz ta’ Miguel Cassar u Jake Ciantar. B’vantaġġ ta’ 10-7, ħafna ħasbu li Birżebbuġa setgħu jikkontrollaw il-logħba iżda Ta’ Xbiex kellhom ħsibijiet oħra.

B’doppjetti konsekuttivi ta’ Francesco Scardino u Roko Pelicaric, Ta’ Xbiex xeqilbu l-miżien favur tagħhom għal vantaġġ ta’ 11-10 b’anqas minn 40 sekonda għat-tmiem. Birżebbuġa ma rnexxielhomx tal-anqas jisfurzaw il-logħba biex tkun deċiża bil-penalties, b’Ta’ Xbiex ikkontrollaw l-aħħar 20 sekonda.

Ta’ Xbiex: T. Schembri, J. Farrugia (1), A. Camenzuli, L. Grech Carr, M. Naudi, M. Manara (1), F. Scardino (2), R. Pelicaric (6), N. Bonavia (1), J. Culic, Z. Bartolo, C. Busuttil, A. Theuma, T.J. Mifsud

Birżebbuġa: M. Sladden, M. Aquilina (1), M. Cassar (1), N. Bursac (1), J. Ciantar (1), I. Galea, J. Abdilla, N. Saliba, D. Farrugia, M. Cutajar, M. Mannino (1), N. Bugelli (5), S. Livori, J. Saliba

Referees: Daniele Bianco, Stefan Licari

MARSASKALA OPTIMA…… 11

MARSAXLOKK MFF……...…. 22

(3-8), (4-6), (0-5), (4-3)

Marsaxlokk MFF żammew mal-aspettattiva u għelbu meritatament lil Marsaskala Optima biex saru l-ewwel tim li kkwalifika għall-finali. Marsaxlokk komplew juru l-kwalità tagħhom u għandhom jibdew favoriti fil-finali tal-Ħamis li ġej. Għal Marsaskala l-istaġun jintemm hawn, sajf li beda kajman iżda tjiebu fil-prestazzjoni aktar ma għadda l-istaġun.

Ix-Xlukkajri bnew vantaġġ ta’ tliet gowls fi ftit aktar minn żewġ minuti. Marsaskala naqqsu d-distakk għal 5-3 iżda gowls ta’ Ryan Galea, Sean Mifsud u Jamie Borg Tabone fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni kabbru l-vantaġġ ta’ Marsaxlokk għal 8-3.

Marsaskala reġgħu naqqsu d-distakk għal tliet gowls fit-tieni sessjoni sakemm Marsaxlokk kabbru l-vantaġġ għal 12-5, distakk li żammewh sa tmiem is-sessjoni. It-tim ta’ Sasa Misic kompla jiddomina fit-tielet sessjoni b’ħames gowls oħra mingħajr risposta fosthom doppjetta taż-żagħżugħ Andreas Fava. L-uniku konsolazzjoni għal Marsaskala kienet ir-rebħ tal-aħħar sessjoni.

Marsaskala: A. Muscat, D. Ciantar, T. Fenech, J. Pace Mizzi, J. Simpson, R. Greco, M. Agius, G. Kovacs (7), K. Grech, G. Sammut (3), M. Curmi, T. Camilleri, L. Gatt, N. Rizzo (1)

Marsaxlokk: J. Micallef, M. Lanzon (2), N. Bogdanovic (4), A. Aquilina, R. Spiteri (1), L. Montebello Brownrigg, S. Mifsud (3), J. Pawley, R. Galea (4), J. Borg Tabone (4), A. Fava (2), A. Cook (2), M. Brimmer, B. Lewis

Referees: Luca Iacovelli, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

Għada

S/F KO Kampjonat Premier: San Ġiljan v Sirens 6.15pm, Neptunes v Exiles 7.30pm

Il-Ħamis 14 ta’ Awwissu

Finali KO I Diviżjoni: Marsaxlokk v Ta’ Xbiex  6.15pm

Finali KO Kampjonat Premier: San Ġiljan/Sirens v Neptunes/Exiles 7.30pm