Żagħżugħ ta’ 17-il sena minn Ħal-Qormi wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkawża l-mewt b’mod involontarju ta’ ‘courrier’ tal-ikel u li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb, f’inċident ta’ ‘hit-and-run’ li seħħ kmieni l-Ħadd filgħodu. It-talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu ma ġietx milqugħa mill-Qorti.
Il-Qorti ordnat projbizzjoni fuq l-isem tal-akkużat u tal-familja tiegħu, peress li huwa minorenni, wara talba konġunta mill-prosekuzzjoni u d-difiża. Missier iż-żagħżugħ, huwa l-persuna li juża’ l-karozza, kien preżenti fil-qorti. Madankollu l-karozza qiegħdha fuq isem iz-ziju tal-akkużat.
Il-vittma, Khim Bahadur Pun, raġel ta’ 42 sena mill-Nepal, tilef ħajtu meta mutur li kien qed isuq ġie milqut minn Maserati Levante fi Triq Psaila, Santa Venera, għall-ħabta tal-5:20am. Skont l-akkużi, iż-żagħżugħ kien qed isuq b’veloċità eċċessiva, falla milli jieqaf fuq il-post u falla milli jinforma lill-awtoritajiet kif suppost dwar l-inċident.
Hu kien akkużat ukoll li kien qed isuq mingħajr liċenzja u kopertura ta’ assigurazzjoni, kif ukoll li kkawża ħsarat lill-Maserati ta’ missieru, lill-mutur tal-vittma u lil seba’ vetturi oħra: żewġ Toyota Vitz, Isuzu DMAX, Peugeot 307, Mercedes Benz, Toyota Hiace u Toyota Passo.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat sigħat wara l-inċident flimkien ma’ passiġġier ta’ 18-il sena li kien ħarab minn fuq il-post. It-tieni passiġġiera, tfajla ta’ 18-il sena mill-Mosta, ġiet arrestata ftit minuti wara l-inċident qrib il-post, wara li sofriet xi ġrieħi.
Is-sewwieq kien arrestat ftit sigħat wara l-inċident, flimkien ma’ passiġġier żagħugħ ieħor ta’ 18-il sena, li wkoll ħarab minn fuq il-post. Passiġġier ieħor ta’ 18-il sena, minn Ħal-Qormi wkoll spiċċa arrestat mhux bogħod mix-xena tal-inċident.
Skont il-prosekuzzjoni, iż-żagħżugħ u żewġ passiġġieri ħarbu minn fuq il-post. It-tfajla nstabet mitlufa minn sensiha qrib il-post u sofriet ġrieħi serji, inkluż diżfigurament tal-wiċċ. L-avukat tad-difiża Jason Grima qal fil-qorti li missier l-akkużat sab lil ibnu u ħadu personalment lejn l-għassa tal-pulizija f’Marsa.
Il-qorti staqsiet kif il-minorenni rnexxielu jakkwista ċ-ċavetta tal-karozza. Is-Supretendent Nicholas Vella spjega li l-vettura kienet irreġistrata fuq iz-ziju tal-akkużat, iżda kienet tintuża minn missieru, li dejjem iżomm iċ-ċavetta f’kexxun.
Dak il-lejl, il-missier mar jorqod u l-akkużat allegatament ħa ċ-ċavetta minn hemm. Vella qal li minkejja li kien l-ewwel inċident tiegħu, jidher li l-akkużat kien jaf isuq u kien f’postijiet oħra qabel l-inċident, inkluż fil-Mosta.
Il-breathalyzer wera riżultat ta’ madwar 40, iżda l-akkużat instab ħames sigħat wara l-inċident, u għalhekk il-livell tal-alkoħol setgħu kienu għolja fil-mument tal-ħabta. Vella qal ukoll li filmati tas-CCTV juru lill-akkużat jinżel mill-vettura u jgħaddi minn ħdejn il-vittma mingħajr ma ċempel 112. Hu u ħabibu telqu mill-post u abbandunaw lill-passiġġiera l-oħra.
Il-Prosekutur Danika Vella oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, billi semmiet li hemm xhieda ċivili li għadhom ma xehdux u hemm biża’ li l-akkużat jista’ jindaħal fil-provi. L-Avukat Grima qal li hemm inkjesta maġisterjali għaddejja u x-xhieda, inkluż il-missier tal-akkużat u s-sid tal-vettura, diġà xehed.
Il-vetturi kollha involuti huma maqbufa bħala prova. Huwa semma l-każ ta’ Benjamin Chetcuti, li ngħata l-ħelsien mill-arrest minkejja li kien akkużat bi qtil involontarju, u sostna li l-klijent tiegħu hu minorenni. Il-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li ma kinitx ċerta li l-akkużat ma jindaħalx fil-provi u lanqas li l-ġenituri setgħu jiggarantixxu l-kondotta tiegħu fid-dawl ta’ dak li seħħ.
Il-qorti rrakkomandat lill-awtoritajiet tal-ħabs iqisu l-età tenera tiegħu. L-Avukat Jason Grima deher għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Jacob Magri deher bħala parte civile għan-nom tal-familja tal-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjuna mis-Supretendent Nicholas Vella.
//= $special ?>