Lokali

Alex Borg u Adrian Delia jissodisfaw il-kriterji tal-verifika biex ikunu kandidati fl-elezzjoni għal Kap tal-PN

Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tirċievi r-Rapport ta’ Verifika mħejji mill-Kummissjoni Kandidati; in-nominazzjonijiet jiftħu nhar il-Ħamis u l-elezzjoni se ssir is-Sibt 6 ta’ Settembru

Aktar kmieni llum l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista rċeviet ir-Rapport ta’ Verifika tal-Kummissjoni Kandidati tal-PN li jinkludi wkoll id-Dikjarazzjoni Motivata wara li saru l-verifiki meħtieġa dwar il-kandidati prospettivi għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista skont il-provvedimenti tal-Istatut tal-PN.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tħabbar li Alex Borg u Adrian Delia – iż-żewġ kandidati li ddikjaraw l-interess tagħhom f’din il-kariga – jissodisfaw il-kriterji tal-verifika.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mic-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN Mario Callus.

Dawn id-dokumenti, li kopja tagħhom ġiet mgħoddija wkoll lill-Kunsill Amministrattiv tal-PN kif jitlob l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, ġew ippreżentati wara li l-Kummissjoni Kandidati tal-PN lestiet l-eżerċizzju tal-aċċertament tal-idoneità u tad-diliġenza ppruvata (due diligence) taż-żewġ kandidati prospettivi.

Issa li tlesta r-Rapport tal-Verifika, il-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tilqa’ n-nominazzjonijiet bejn nhar il-Ħamis 14 ta’ Awwissu f’12pm u nhar it-Tlieta 19 ta’ Awwissu f’12pm. Matul dan il-perjodu jistgħu jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom biss iż-żewġ kandidati prospettivi li ġew pożittivament verifikati u għaddew mill-proċess ta’ due diligence.

Kif jagħlqu n-nominazzjonijiet u l-Kummissjoni Elettorali tkun irċeviet iż-żewġ nominazzjonijiet tal-kandidati prospettivi, il-Kummissjoni torganizza l-elezzjoni għal Kap tal-PN, bil-votazzjoni se tkun qed issir is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025 fost it-tesserati tal-PN li jkollhom tesserament validu mlaqqgħa apposta f’Konvenzjoni Ġenerali.

Fid-dawl ta’ dak li jipprovdi l-Istatut tal-PN, il-Kummissjoni Elettorali tħabbar ukoll li minbarra l-votazzjoni li se ssir dakinhar, se torganizza wkoll votazzjonijiet oħra aktar kmieni l-Erbgħa 27 u s-Sibt 30 ta’ Awwissu għal dawk il-membri li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jivvutaw fil-jum proprju tal-elezzjoni. Aktar dettalji dwar il-postijiet u l-ħinijiet tal-votazzjoni jitħabbru aktar ’il quddiem.