Illum, fl-10 ta’ filgħodu, se tingħata l-aħħar tislima lil Christian Vella, persuna li ddedikat ħafna snin minn ħajjitha tgħin u tressaq persuni dipendenti fuq sustanzi lejn il-programm ta’ San Blas, immexxi minn Caritas Malta.
L-awtopsja kkonfermat li kontra xnigħat li xxerrdu fuq il-midja soċjali, il-mewta ta’ Christian Vella, magħruf bħala ‘Il-Fulu’, fl-età ta’ 39 sena, kienet kawża ta’ chest infection severa li wasslet għal ‘cardiac arrest’.
L-aħbar tal-mewt ta’ Chris ħarġet l-Erbgħa li għadda u ħasdet lil kulħadd. Kienu numru kbir dawk li wrew pubblikament in-niket tagħhom permezz tal-mezzi soċjali u tawh tislima xierqa għal dak kollu li għamel matul ħajtu biex għen persuni bi problemi. Spikkaw fost dawn membri tal-istaff ta’ Caritas Malta u residenti fi programmi terapewtiċi mmexxija mill-istess organizzazzjoni f’San Blas.
Għal dawn l-aħħar snin Chris kien jaħdem bħala facilitator fil-komunità tax-xelter, il-post li fih persuna trid tagħmel ftit ġimgħat ta’ preparazzjoni qabel tgħaddi għall-programm ta’ San Blas. Kien persuna fiżikament attiva ħafna u jemmen li permezz ta’ dixxiplini sportivi differenti tista’ tfittex dak li jissejjaħ natural high.
Għal ħafna snin qasam l-istorja personali tiegħu biex ikun mezz ta’ ispirazzjoni għal bosta li kienu jsibuha diffiċli jagħmlu l-ewwel pass.
F’intervista partikolari kien irrakkonta l-istorja ta’ ħajtu. Qal li wara 16-il sena jieħu sustanzi differenti fejn kien fi stat li qata’ qalbu għalkollox, allaħares ma kinetx il-Caritas għalih. Kien jgħid kemm-il darba “San Blas jibqa’ dejjem l-ossiġnu ta’ ħajti.” Dejjem ħares lejn Caritas bħala l-post li joffri ħafna mħabba u “l-post li jiġbrok minn xagħrek u jagħtik ħajtek lura!”
Chris sofra telfa kbira f’ħajtu meta waqt ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu tal-2001, inħasdet il-ħajja ta’ oħtu u t-tarbija tagħha, li kienu f’karozza pparkjata qrib il-baħar u xi nies serrħu magħha. Peress li ma kellhiex il-handbrake mtella’ bdiet miexja u spiċċat il-baħar. Oħtu, Josianne Cesare ta’ 20 sena u binha n-neputi tiegħu Gianluca li kellu biss sena u nofs, mietu mgħarrqa. Kienet telfa kbira immens għal Christian, u naturalment għal ommu, li issa tilfet lilu wkoll.
Meta ddeċieda li jagħmel il-programm ta’ riabilitazzjoni f’San Blas, kien determinat li jieħu ħajtu lura u jibda jgħix mill-ġdid. Għal dan sab l-għajnuna ta’ bosta mit-tmexxija u l-istaff ta’ Caritas, li maż-żmien raw fih mhux biss persuna determinata li toħroġ mill-problema, imma saħansitra potenzjal li jista’ jgħin oħrajn jimxu fuq il-passi tiegħu.
Fil-fatt ftit snin wara Christian spiċċa jagħmel parti mill-istaff tal-Caritas u minbarra li kien jaħdem direttament mar-residenti, kien anki jsib ħin, anki fl-off days tiegħu, biex jgħin lit-tim ta’ prevenzjoni fi ħdan Caritas Malta. Mar kemm-il darba fi skejjel jiltaqa’ ma’ studenti u anki żgħażagħ u jitkellem dwar il-qerda li twasslek fiha d-droga. Kien iħobb isemmi l-esperjenzi li għadda minnhom hu biex permezz tagħhom jgħin lil ħaddieħor. Il-persuni li għen matul ħajtu kienu bosta.
Illum Caritas issellem lil dan il-kollega u tibki t-telfa tiegħu. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Christian Vella se ssir dalgħodu fil-Knisja Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla fl-10am. Il-quddiesa se tkun immexxija minn Monsinjur Charles Cordina, akkumpanjat minn Fr Joe Mifsud.
Il-familja tixtieq li għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja jintlibes ilbies casual u abjad. Fl-entratura tal-knisja se titpoġġa kaxxa ta’ donazzjonijiet b’risq Caritas Malta.
Xi messaġġi fuq facebook wara l-mewt ta’ Christian Vella:
Caritas Malta: Ninsabu maħsuda u mnikkta bit-telfa tal-kollega Chris, tant maħbub minn kollegi u residenti. Kondoljanzi mill-qalb lill-familjari, maħbubin u ħbieb tiegħu. Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.
Anthony Gatt, direttur Caritas Malta: Tlift kollega, tlift ħabib. Privileġġ kbir li sirt nafek u dulur kbir li nitilfek.
Shaun Attard: Għażiż Christian, il-memorja tiegħek xtaqt li nżommuha ħajja bil-ġranet sbieħ li konna nqattgħu flimkien. Konna qed nippjanaw ġurnata oħra imma minflok Alla riedek ħdejh u jien hawn nipprova nesprimi l-vojt li se tħalli. Inħossni grat kemm kont tibgħat voice messages għax hekk nista’ nerġa’ nismagħhom… Sa ma nerġgħu niltaqghu Chris! Sabbarna! Inħobbuk.
Jeff Muscat: Chris, tlaqtna wisq kmieni ħabib. Kien fadallek wisq x’tagħti. Ħafna gawdew mill-għajnuna tiegħek, ħafna sabu triqthom bis-saħħa tiegħek. Aħna kburin li rajniek tikber fil-vjaġġ tiegħek u trodd lura dak li rċevejt mill-Caritas. Għada suppost duty miegħek imma għada mhu se jasal qatt. Nimmaġina li Dun Victor se jkun minn ta’ quddiem biex jilqgħek b’tgħanniqa kbira. Ix-Shelter qatt ma se jkun l-istess mingħajrek…
Wayne Vella: Illum tlift ħabib u għadni ma nistax nemmen. Grazzi ta’ kemm tajtni pariri u kemm kont temmen fija. Il-memorji sbieħ se jibqgħu f’qalbi għal dejjem. RIP Chris.
Nicky Sammut: Ma nistax nifhem! Kemm kont taqbad miegħi u tgħajjatli ‘Bomber’. Tlifna raġel b‘qalb kbira u ikona għall-addicts. Kont toħroġ minn triqtek għall-addicts biex ifiqu. Strieħ fis-sliem. Ma ninsewk qatt!
Omar Camilleri: Bla kliem illum ħallejtni, daqshekk ħa nisma’ leħnek iċċempilli biex niġi sa ħdejk għal kafè… ma nista’ ninsa qatt kemm ġrejt warajja biex infittex nidħol… ħa nimmissjak ħabib.
Miguel Mifsud: Illum irċevejt telefonata li ħallietni bla kliem, imma għaliex??? Ħabib tat-tfulija… konna ngħixu fl-istess inħawi… konna nilagħbu flimkien… konna noħorġu flimkien… konna għaddejna minn mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli flimkien. Christian, sa ma nerġgħu niltaqgħu… ħafna mħabba u rispett għalik ħabib.
//= $special ?>