Fiż-żmien xahrejn, l-MFA se jkollha elezzjoni interna biex jinħatar Viċi President ġdid, wara li din il-kariga ġiet vakanti minn Dr Maria Azzopardi. Din tal-aħħar rriżenjat mill-kariga ta’ Viċi President wara li kienet magħżula mill-President tal-assoċjazzjoni, Bjorn Vassallo biex tassumi l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-MFA.
Fi stqarrija maħruġa mill-MFA, l-assoċjazzjoni ħabbret li qed issejjaħ elezzjoni biex timtela l-kariga vakanti tat-tielet Viċi President matul l-Assemblea Ġenerali Ordinarja li ġejja/
Din l-elezzjoni se ssir fis-16 ta’ Ottubru 2025 skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tal-Malta FA. Dr Azzopardi kienet ġiet eletta bħala Viċi President f’Marzu 2024, u b’hekk saret l-ewwel mara li okkupat il-kariga. Madankollu, f’Diċembru 2024, ġiet nominata u maħtura Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, wara li kien irreżenja Dr Angelo Chetcuti.
In-nominazzjonijiet għal din il-kariga ta’ Uffiċjali tal-Assoċjazzjoni jistgħu jsiru minn kwalunkwe Membru tal-Assoċjazzjoni mill-inqas 19-il jum qabel id-data skedata għall-Assemblea Ġenerali. Dan sakemm il-kandidati jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli rilevanti.
Ladarba l-pożizzjoni ta’ Viċi President timtela, hu/hi għandu/għandha jibqa’/tibqa’ fil-kariga sal-Assemblea Ġenerali li matulha normalment ikunu mistennija li jsiru l-elezzjonijiet għall-karigi tal-Uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, f’dan il-każ, l-2028.
Se tintbagħat ċirkulari interna lill-membri li tinforma dwar il-vakanza rilevanti u dettalji statutorji oħra. L-elezzjoni se tkun sorveljata mill-Kummissjoni Elettorali maħtura mill-Assemblea Ġenerali Ordinarja tal-Malta FA.
Skont l-istatut tal-MFA, l-assoċjazzjoni għandu jkollha tliet Viċi Presidenti, u attwalment għandha tnejn. Dawn huma Dr Matthew Paris, li fl-aħħar elezzjoni għal darb’oħra reġa’ ġab l-akbar ammont ta’ voti minn fost il-kandidati kollha li kkontestaw għal din il-kariga u l-eks referee internazzjonali tal-FIFA u eks Ċermen tar-Referees Board, Adrian Casha.
//= $special ?>