Internazzjonali

Fi Spanja u l-Portugall, nirien qawwi jkompli jaħkem diversi rħula u foresti

Ekwipaġġi tas-servizzi tal-emerġenza fi Spanja u l-Protugall qed jiġġieldu kontra diversi nirien qawwi li ħakem dawn iż-żewġ pajjiżi, b’riżultat tal-mewġa ta’ sħana li qed tolqot din il-Peniżola Iberika.

Wieħed mill-aktar nirien ta’ tħassib huwa fir-reġjun ta Tres Cantos, li jinsab madwar 23 kilometru fit-tramuntana ta’ Madrid, fejn il-ħaddiema tat-tifi tan-nar ħadmu matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u it-Tlieta sabiex jippruvaw jikkontrollaw in-nar.

Sadanittant, l-awtoritajiet fi Spanja u l-Portugall qed iwissu li din is-sħana estrema hija kaġun ta’ temperaturi li laħqu 44 grad celsius, u li se tkompli sa nħar l-Erbgħa.

Barra minn hekk., huma qalu wkoll li dan in-nar qawwi se joħloq kundizzjonijiet perikolużi kemm għar-residenti kif ukoll għall-ekwipaġġi tas-servizzi tal-emerġenza.

L-awtoritajiet ħeġġew lill-pubbliku biex jibqa’ kawt u jevita joħroġ barra matul il-ħinijiet ta’ sħana qawwija, fejn ankè appellaw lin-nies sabiex josservaw kull ordni ta’ evakwazzjoni u siġurtà.

In-nirien qawwi fi Spanja u l-Portugall qed iqajjem aktar tħassib dwar l-impatt tal-bidla fil-klima minħabba din is-severità tal-mewġa tas-sħana li qegħda taffettwa diversi żoni fin-Nofsinhar tal-Ewropa.