Lokali Qorti

Ġlieda bejn żewġ barranin fil-Marsa twassalhom għall-Qorti

Fil-Qorti t-Tlieta wara nofs inhar tressqu żewġ barranin b’rabta ma’ ġlieda vjolenti li seħħet fi ġnien fil-Marsa fis-sigħat bikrin tat-11 ta’ Awwissu. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, fejn Mohammed Traofe, ċittadin mill-Kongo ta’ 25 sena, ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra, li kiser il-paċi pubblika u li kien fil-pussess ta’ arma mingħajr permess.

L-Ispettur Elisia Scicluna spjegat kif għall-ħabta tat-3am, raġel deher l-għassa tal-Marsa bid-demm nieżel minn idu x-xellugija u driegħu. Meta ġie mistoqsi x’ġara, qal li ġie attakkat b’sikkina kbira minn persuna waqt li kien f’ġnien.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u skont id-deskrizzjoni tal-vittma, irnexxielhom jidentifikaw lill-allegat aggressur bħala Traofe, li ġie arrestat u infurmat bid-drittijiet legali tiegħu. Aktar tard, il-vittma ġie ċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi u bħalissa qiegħed jistenna appuntament mas-Sezzjoni Kirurġika minħabba feriti fondi f’subgħajh.

Matul il-proċeduri fil-Qorti, Traofe kiser ripetutament l-ordni u interrompa l-ismiegħ, tant li l-Maġistrat kellu jwiddbu diversi drabi u ordnalu biex joqgħod bilqiegħda.

Meta ġie mistoqsi dwar l-indirizz tiegħu, qal li joqgħod Raħal Ġdid iżda ma setax jagħti indirizz speċifiku. Żied jgħid li ilu għaxar snin f’Malta. L-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali irrimarka: “Kien rieqed barra, allura żgur li m’għandux indirizz.”

Meta l-Qorti staqsiet jekk kienx jaħdem, Traofe wieġeb: “Nimpjega lili nnifsi,” u dak il-ħin anke tfewwaq sew fil-Qorti bil-Maġistrat jgħidlu biex juri daqsxejn rispett. Il-Maġistrat qallu: “Jekk m’għandekx rispett għalik innifsek, irrispetta lill-oħrajn. Int f’awla tal-Qorti qiegħed!”

Traofe wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, Ibrahim Mohammed Jama. F’din l-istadju, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, u għaldaqstant, Traofe baqa’ miżmum taħt arrest.

Ftit wara, quddiem l-istess Maġistrat, tressaq ukoll il-vittma tal-akkużat, Ibrahim Mohammed Jama, ċittadin mill-Isomalja ta’ 23 sena, li deher quddiem il-Qorti b’idejh f’gibs u evidenti li kien ferut. Huwa ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil Traofe u li kiser il-paċi pubblika.

Skont l-Ispettur Scicluna, waqt l-argument, Jama allegatament waddab ġebla kbira lejn Traofe, u t-tnejn ġew ittrattati l-isptar Mater Dei għall-ġrieħi li ġarrbu. Jama qal li jgħix fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far u li hu bla xogħol.

Anke hu wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-fatt li m’għandux rabtiet sodi ma’ Malta, ma għandux indirizz stabbli u lanqas impjieg. L-Avukat Clive Aquilina saħaq li kien hemm riskju għas-sigurtà tal-pubbliku jekk Jama jinħeles, speċjalment fid-dawl li kien qed jitfgħa ġebel fuq persuna oħra f’ġnien pubbliku.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Jama jiġi miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata konfrontazzjoni oħra bejn iż-żewġt irġiel, il-Qorti ordnat li jkunu miżmuma f’diviżjonijiet separati tal-ħabs.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ kienet immexxija mill-Avukat Clive Aquilina u mill-Ispettur Elisia Scicluna. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Ingrid Zammit Young dehret għal Mohammed Traofe, filwaqt li l-Avukat Sarah Ciliberti dehret għal Ibrahim Mohammed Jama.