Sal-aħħar tas-sena 2024, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet stmata illi kienet taqbeż il-574,000 persuna.
Skont l-uffiċju nazzjonali tal-istatistika, din hija żieda ta’ 1.9% mis-sena ta’ qabel – sitwazzjoni deskritta bħala allarmanti hekk kif Malta qed toqrob il-popolazzjoni ta’ 600,000 persuna; tant li ħafna qed jistaqsu jekk pajjiżna jiflaħx aktar nies. U jekk għandiex bżonn pjan koerenti u effettiv.
Dan intqal fl-editorjal tal-gazzetta, The Malta Independent On Sunday, fejn tqajjem tħassib dwar l-impatt negattiv li qed tħalli din iż-żieda fil-popolazzjoni fost ħafna individwi għaliex kull fejn imorru qed iħossuhom bħal donnhom qed jifgaw u li mhemmx serenità.
Dan jinħass biċ-ċar f’għexieren ta’ zoni; inkluż fuq il-bajjiet u anke fis-supermarkets.
Fl-2024, iċ-ċifra tal-migrazzjoni netta f’pajjiżna kienet ta’ 10,614 persuna b’76.6% minnhom mhux mill-Unjoni Ewropea.
U issa, iċ-ċittadini barranin jammontaw għal 29.4% tal-popolazzjoni; kważi wieħed minn kull tlett persuni. Din hija differenza kbira meta kkumparata maċ-ċifra tal-popolazzjoni fl-2013, fejn f’pajjiżna kellna inqas minn 6% ta’ barranin.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela, bħal donnu qed jirrifjuta li jieħu azzjoni, bil-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, jgħid li sas-sena 2040, il-popolazzjoni kapaċi tiżdied għal 800, 000 persuna. Dan żgur se jiġri jekk ma jseħħx tibdil fil-mudell ekonomiku – kif ilu jinsisti il-Partit Nazzjonalista.
Il-Malta Independent temmet b’appella lill-Gvern ta’ Robert Abela, sabiex jindirizza din il-kriżi, billi jiżviluppa politika komprensiva għall-popolazzjoni u l-integrazzjoni li tallinja l-bżonnijiet ekonomiċi mal-iżvilupp sostenibbli, u l-koeżjoni soċjali.
//= $special ?>