Futbol Sport

Isak determinat li jħalli lil Liverpool, Tottenham juru nteress f’Eze

(Ritratt: EPA)

Jidher li l-attakkant Żvediz Alexander Isak mhux se jkun qed jilbes aktar il-flokk ta’ Newcastle United hekk kif qed jagħmel minn kollox biex iħalli lill-klabb.

Il-Magpies diġa rrifjutaw offerta ta’ aktar minn 100 miljun sterlina mingħand Liverpool, liema klabb ma wrewx aktar interess fil-plejer għalissa minħabba t-talba li Newcastle qed jagħmlu.

Tottenham qed juru nteress fil-midfielder avvanzat ta’ Crystal Palace Eberechi Eze. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet Tottenham tilfu lill-midfielder James Maddison għall-maġġoranza tal-istaġun li ġej. It-tim ta’ Thomas Frank tilef ukoll lil Son Heung-min li mar jilgħab fl-Istati Uniti.

Fi tmiem il-ġimgħa Eze kien protagonista fil-partita tal-Community Shield li Crystal Palace lagħbu kontra Liverpool fejn ħarġu rebbieħa wara l-għoti tal-penalties.

Intant Tottenham qed juru wkoll interess fil-winger ta’ Manchester City Savinho li ssieħeb magħhom fl-istaġun li għadda mingħand Girona.

Liverpool minn naħa tagħhom komplew bit-tentattivi biex isaħħu d-difiża tagħhom u jinsabu f’negozjati biex jakkwistaw lill-captain ta’ Crystal Palace Marc Guehi.

Iċ-Chairman ta’ Crystal Palace Steve Parish ammetta li l-klabb jista’ jbiegħ lil Guehi matul dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif jista’ jħalli lill-klabb b’xejn fis-sajf tas-sena d-dieħla.