Lokali Qorti

Jammetti li ħebb għal eks sieħba tiegħu li wkoll se titressaq il-Qorti

Raġel ta’ 27 sena, residenti ż-Żurrieq ammetta każ relatat ma’ vjolenza domestika, wara li hedded u attakka lill-eks sieħba tiegħu. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech. Fil-Qorti, ġie spjegat li l-allegata vittma kienet irrapurtat l-inċident fiċ-Ċentru għall-Vjolenza Domestika, fejn allegat li l-imputat insulentaha u ħebb għaliha.

Hija ppreżentat ċertifikat mediku li jikkonferma li ġarrbet ġrieħi ħfief. Intqal ukoll li l-argument bejn iż-żewġ partijiet kien ta’ natura reċiproka, peress li anke l-akkużat ġarrab ġrieħi, u rriżulta li l-vittma allegatament insulentatu u ħebbet għalih. Għal dan il-motiv, anke hi se tkun qed titressaq il-Qorti.

L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti ħadet nota tal-fatt li ammetta fi stadju bikri, kien kooperattiv mal-awtoritajiet u li anke hu sofra ġrieħi fl-istess inċident. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti kkundannatu għal sena ħabs sospiża għal sentejn, u ordnatlu jħallas €212 bħala kumpens għall-ħsara li wettaq fuq il-vettura tal-vittma.

Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Trażżin għal tliet snin biex tipproteġi lill-vittma, kif ukoll ordni ta’ trattament fid-dawl tal-problemi relatati ma’ droga li għandu l-imputat. Peress li l-akkużat u l-allegata vittma għandhom wild flimkien, il-Qorti ħalliet f’idejn l-avukati li jiddeċiedu kif għandu jsir l-aċċess mal-minuri, filwaqt li l-imputat ġie ordnat ukoll li jitpoġġa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation.

Il-Prosekuzzjoni kienet rappreżentata mill-Ispettur Sherona Buhagiar mill-, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-Avukati Franco Debono, Adriana Zammit u Anthea Bonnici Zammit.