Ambjent Lokali

Jinkixfu tliet avviżi legali ġodda li “se jeqirdu l-ambjent u jippremjaw l-illegalitajiet”

Koalizzjoni ta’ għaqdiet ambjentali qed tikkundanna bil-qawwa l-aħħar tentattiv tal-Gvern biex jippremja l-illegalitajiet fil-bini.

Permezz ta’ tliet avviżi legali ġodda, il-Gvern qed jipproponi amnestija totali li permezz tagħha se joħroġ permess sħiħ għal żviluppi illegali fiż-żona tal-iżvilupp mibnija sal-2016, kif ukoll strutturi u użi illegali fiż-żoni barra l-iżvilupp (ODZ) mibnija sal-1994. Barra minn hekk, se jingħataw konċessjonijiet għall-illegalitajiet li saru sal-2024, inkluż f’żoni sensittivi bħal UCA u ODZ, li se jwaqqaf kwalunkwe infurzar fuqhom għaliex f’daqqa waħda se jsiru legali.

Dan kollu ġie żvelat minn dawn l-għaqdiet, permezz ta’ komunika li ħarġu illum lill-media.

Minkejja l-istqarrija tal-Prim Ministru li dan hu maħsub biex jgħin lil “dawk li jiksru l-liġi fuq skala żgħira”, m’hemm l-ebda limitu fid-daqs jew fl-intensità tal-iżvilupp illegali li jista’ jiġi regolarizzat, u l-ebda minn dawn l-illegalitajiet mhu se jkollhom bżonn jikkonformaw mal-politiki eżistenti tal-ippjanar. L-amnestija testendi wkoll għal operazzjonijiet kummerċjali, u dan juri li l-Gvern qed jgħin u jinkoraġġixxi spekulazzjoni kummerċjali bla rażan, u b’hekk isir kompliċi fil-qerda tal-art agrikola u tal-ispazji ħodor.

Barra minn hekk, partijiet terzi u NGOs mhu se jkollhom l-ebda dritt li joġġezzjonaw jew jappellaw kontra dawn l-applikazzjonijiet ta’ amnestija. Dan se jkun proċess nieqes minn kull trasparenza li fih l-Awtorità tal-Ippjanar se tieħu deċiżjonijiet wara bibien magħluqa biex tkompli teqred l-ambjent ta’ Malta, il-wirt storiku u l-kwalità ta’ ħajjitna, filwaqt li tippremja lil min jikser il-liġi.

Nistgħu ngħidu li pajjiżna kważi qatt qabel ma kien f’punt fejn qed jaffaċċja attakk daqshekk sfaċċat minn interessi b’saħħithom fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Dawn l-avviżi legali qed jiġu ppreżentati fil-kuntest ta’ żewġ abbozzi ta’ liġijiet li tressqu fil-Parlament fl-aħħar ta’ Lulju, li jridu jżarmaw kważi s-salvagwardji kollha eżistenti fis-settur tal-ippjanar u jillimitaw il-kapaċità tal-pubbliku li jikkontesta deċiżjonijiet illegali.

L-għaqdiet qed jisħqu li kemm l-abbozzi ta’ liġijiet proposti kif ukoll l-avviżi legali proposti għandhom jiġu rtirati immedjatament, peress li jmorru kontra l-prinċipji fundamentali tad-diċenza u d-demokrazija.

Jekk il-Gvern jipprova jgħaddi bħal gaffa minn fuq il-ġid komuni, aħna qed nimpenjaw ruħna li flimkien ma’ komunitajiet oħra madwar Malta u Għawdex se niġġieldu kontra dan l-attakk qerriedi ta’ leġiżlazzjoni mfassla biss biex tagħti l-poter kollu f’idejn l-iżviluppaturi u l-awtoritajiet korrotti.