Lokali

“Kien il-pilastru tal-familja” – Oħt il-mara ta’ Pun li miet il-Ħadd

“Kien il-pilastru tal-familja.”

Kien b’dan il-mod li Binita Baija iddeskriviet lir-raġel ta’ oħtha, Khim Bahadur Pun, in-Nepaliż ta’ 42 sena, li ħalla din id-dinja traġikament, il-Ħadd li għadda. L-inċident seħħ wara li karozza Maserati misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena, saqet f’diversi vetturi fosthom fil-mutur ta’ Pun li kien jaħdem bħala sewwieq tal-Wolt.

Net News għamel kuntatt mal-familjari ta’ Pun li lkoll qasmu magħna l-esperjenza xokkanti li għaddejjin minnha bħalissa. B’oħt il-mara ta’ Pun tiddeskrih bħala raġel ġenwin, b’qalb kbira, dejjem lest biex jgħin lil kulħadd u u li jaħdem qatigħ għall-familja .

Fl-istess intervista, Binita Baija qaltilna li Khim li kien ilu f’Malta għal aktar minn tlett snin, kien jibgħat il-flus lura f’pajjiżu kull xahar biex jgħajjex lil familtu, b’mod partikolari lit-tliet ulied tiegħu. Hija qaltilna li familtu li jinsabu fin-Nepal ġew infurmati bl-aħbar permezz ta’ telefonata waqt li kienu qegħdin fil-villaġġ tal-lokal jagħmlu xi qadi.

Hija temmet tisħaq li l-familja tiegħu u dawk kollha li kienu qribu jafu eżattament b’dak li ġara u qed jirsistu biex issir il-ġustizzja illum qabel għada u biex min wettaq ir-reat jieħu dak li ħaqqu talli qatel lil Pun.