Internazzjonali

L-Awstralja: Tikkritika lil Netanyahu dwar is-sitwazzjoni ta’ Gaza

Ritratt: BBC

Il-Prim Ministru Awstraljan, Anthony Albanese, akkuża lill-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, dwar ‘il-persistenza biex jiċħad’ il-konsegwenzi tal-gwerra f’Gaza. Dan wara li Albanese ħabbar li l-Awstralja, f’Settembru, għandha tirrikonoxxi Stat tal-Palestina, wara passi simili min-naħa tar-Renju Unit, Franza u l-Kanada.

Albanese qal li dan il-pass mill-Awstralja, f’parti, kien immotivat minn sens ta’ frustrazzjoni dwar l-intrasiġenza tal-Gvern Iżraeljan fir-rigward tal-kriżi umanitrja f’Gaza. Dan fost l-istqarrija li ‘l-Awstraljani jridu jaraw it-tmiem taċ-ċiklu tal-imwiet u l-vjolenza (fl-artijiet ta’ Gaza)’.

Iżrael, minkejja li jinsab taħt pressjoni biex itemm il-gwerra ta’ Gaza, qed jgħid li r-rikonoxximent uffiċjali għal Stat tal-Palestina jrid jitqies bħala ‘premju għat-terroristi tal-Ħamas’ – b’Netanyahu jikkundanna lill-Awstralja u l-pajjiżi oħrajn dwar il-‘bidla fil-politika tagħhom’.

Iżrael qed jiffaċċja dejjem aktar kundanna dwar ir-rapporti rigward Palestinjani li qegħdin imutu bil-ġuħ fil-Medda ta’ Gaza. Dan meta mietu ħames Palestinjani oħra, fosthom tfajjel, u li tellgħu l-ammont tal-Palestinjani li mietu mill-malnutriżmu f’Gaza għal madwar 230 (bi kważi nofshom ikunu tfal).