Skont it-tbassir meteoroloġiku, minn issa sal-aħħar tal-ġimgħa, għandhom ikunu reġistrati l-ogħla temperaturi għas-sajf għal dawn l-aħħar snin fid-diversi pajjiżi tal-Ewropa kif ukoll fir-Renju Unit.
Dan fost it-twissijiet uffiċjali għall-anzjani u persuni vulnerabbli biex, akkost ta’ kollox, jevitaw il-qilla tas-sħana u ma joħorġux minn djarhom f’sitwazzjoni li għandha tkompli, almenu, sa nhar is-Sibt li ġej.
Intant, numru ta’ pajjiżi Ewropej qed jieħdu prekawzjonijiet speċjali biex jikkontrollaw l-effetti tas-sħana rekord, bin-nirien kbar qalb foresti għadhom qed jaqbdu fid-diversi reġjuni ta’ Spanja, il-Portugall, il-Greċja u t-Turkija.
Fil-jiem li ġejjin jistgħu anki jiżdiedu l-livelli ta’ allert għar-resorts sajfin ta’ dawn il-pajjiżi li mhumiex daqstant ‘il bogħod mill-foresti maħkuma bin-nirien. Dan meta l-iskwadri għall-emerġenzi rispettivi qed jagħmlu minn kollox biex il-fjammi ma jinfirxux lejn zoni oħra.
L-awtoritajiet fil-Portugall, fl-aħħar sigħat, esprimew l-inkwiet dwar l-effetti tas-sħana li laħqu livelli ‘insapportabbli’ fir-reġjun Iberjan. Ta inkwiet partikulari huma n-nirien feroċi li ilhom jaqbdu għal kważi ġimgħa qalb iz-zona ta’ Vila Real, lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
L-aħħar rapporti minn Spanja qalu li ‘il fuq minn 2,000 persuna spiċċaw evakwati minn Tarifa, maġenb il-kosta tan-nofsinar, minħabba l-periklu tan-nirien qalb territorju aħrax fl-inħawi.
It-temperaturi estremi fi Spanja wasslu wkoll biex il-Ministeru għall-Intern f’Madrid jiddikjara ‘sitwazzjoni kważi simili għal emerġenza’; bis-servizzi nazzjonali jinżammu fuq ‘standby’ biex jgħinu lill-iskwadri għat-tifi tan-nirien.
Fil-Greċja, fl-aħħar sigħat, saru wkoll l-evakwazzjonijiet mill-villaġġi fuq il-gżira ta’ Zante; bil-ħelikopters iwettqu hekk-imsejjaħ ‘water-bombing’ fuq l-inħawi l-aktar maħkuma min-nirien.
Fl-Italja, qed ikunu osservati t-twissijiet ta’ allert għas-sħana fuq livell ‘aħmar’ – u li jfisser li r-residenti jridu jimxu skont il-kundizzjonijiet ta’emerġenza imposti mill-awtoritajiet lokali.
Intant, l-Ingilterra qed tisreġ taħt sajf ieħor rekord u fejn ukoll tħabbru l-istati ta’ allert fiċ-ċentru u n-nofsinar tal-pajjiż fejn it-temperaturi kienu mistennija jaqbżu t-34 gradi Celsius.
Is-sħana straordinarja qed tinħass ukoll fi bnadi ta’ Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq – bl-esperti jwissu lin-nies biex jippreparaw għal dawn il-livelli ta’ sħana b’riżultat tal-bidliet fil-klima….Bidliet li, minħabba fihom, il-mewġ tas-sħana saru aktar frekwenti u intensivi.
Dan ukoll waqt li l-awtoritajiet Britanniċi wissew li l-Ingilterra, issa, qed tiffaċċja n-nuqqasijiet sinifikattivi fir-riżorsi tal-ilma u li, ‘il quddiem, kapaċi jħallu impatt fuq livell nazzjonali.
//= $special ?>