Ambjent Lokali

AĠĠORNATA: Il-Gvern reġa’ ħalla kaos fil-Blue Lagoon f’Kemmuna

Il-Moviment Graffitti ħareġ filmat li juri kif l-operaturi ta’ dgħajjes kummerċjali kbar huma l-kawża ewlenija tal-kaos fil-Blue Lagoon f’Kemmuna. Il-filmat juri kif il-wasla bla heda ta’ dawn id-dgħajjes qed tittrasforma din ir-riżerva naturali ikonika minn post paċifiku u idilliku kmieni filgħodu, għal nassa tat-turiżmu ffullata, storbjuża u maħmuġa waranofsinhar. Il-Moviment Graffitti qed jitlob il-projbizzjoni tad-dgħajjes tat-turisti kbar li jżuru Kemmuna.

Ta’ kuljum, dawn id-dgħajjes tat-turisti kbar qed jiġbdu lejhom eluf ta’ turisti minn Buġibba u Tas-Sliema u mbagħad jitilquhom il-Blue Lagoon. L-impatt ambjentali huwa enormi, u waranofsinhar ħadd ma jkun jista’ jgawdi ż-żona bħala r-roqgħa ġenna li suppost hi. Fi kwalunkwe ħin, aktar minn 10 dgħajjes kbar bħal dawn jistgħu jkunu rmiġġati fil-Blue Lagoon, b’kull waħda tiflaħ iżżomm diversi mijiet ta’ persuni. Bosta operaturi jwettqu numru ta’ vjaġġi kuljum.

Għal ħafna familji lokali, iż-żjarat annwali lejn il-Blue Lagoon kienu attività tas-sajf. Illum, ir-residenti ta’ Malta u Għawdex lanqas biss jikkunsidraw li jmorru hemm. Dabbrulna rasna minn art pubblika numru żgħir ta’ negozji b’ħafna poter li qed jitħallew jisfruttaw il-gżira għad-detriment tat-tgawdija pubblika u l-ambjent.

Smajna dwar it-tentattivi reċenti tal-Gvern biex jillimita n-numru ta’ turisti permezz ta’ sistema ġdida ta’ biljetti, u għalhekk morna naraw b’għajnejna stess u nirrekordjaw x’sibna. Nistiednu lill-pubbliku biex jara l-filmat u jiddeċiedi hu liema hi l-problema ewlenija.

Minkejja l-pompa kollha tal-Ministru għat-Turiżmu Ian Borg rigward is-sistema l-“ġdida” tiegħu, huwa għadu qed jagħmel ħiltu kollha biex iħalli lil dawk li jagħmlu l-aktar ħsara jkomplu japprofittaw ruħhom mill-Blue Lagoon, filwaqt li l-Gvern għadu jirrifjuta li jippubblika l-istudju dwar kemm tiflaħ nies Kemmuna.

Il-Moviment Graffitti jinsisti li l-bastimenti l-kbar li jwasslu it-turisti tal-massa mhux posthom f’riżerva naturali.