Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea wissew kontra kull possibbiltà li l-fruntieri tal-Ukrajna jisfaw mibdula bil-forza u b’mod permanenti wara l-gwerra mar-Russja li daħlet fir-raba’ sena tagħha.
Dan meta l-Unjoni Ewropea tinsab ansjuża dwar il-futur tal-Ukrajna ftit qabel il-laqgħa – fil-15 ta’ Awwissu – bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin…Laqgħa li se ssir fl-Alaska u fejn iż-żewġ mexxejja se jiddiskutu l-aħħar żviluppi tal-konflitt u l-potenzjal għal waqfien mill-ġlied wara daqstant xhur ta’ dmija.
Il-Mexxejja Ewropej, fi stqarrija, insistew li l-poplu Ukren irid jitħalla liberu biex jiddeċiedi l-futur tiegħu u biex ir-Russja tirrispetta l-prinċipji tal-integrità territorjali tal-Ukrajna.
Messaġġ ieħor ewlieni kien biex ħadd ma jippermetti ċirkustanzi fejn qawwa tkun f’pożizzjoni li tibdel il-fruntieri ta’ pajjiż permezz ta’ kampanja militari.
L-istqarrija kienet iffirmata minn 26 fost is-27 Mexxejja tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea…U f’dan il-każ, spikkat in-nuqqas tal-firma tal-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, li għandu relazzjonjiet tajbin ħafna ma’ Moska u li kemm-il darba prova jtellef l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna.
Il-pajjiżi Ewropej, sadanittant, mhuma qed jeskludu xejn huma u josservaw l-azzjonijiet tar-Russi fl-Ukrajna.
Dan ukoll meta ħafna pajjiżi, b’mod partikulari l-pajjiżi li jaqsmu fruntiera mar-Russja u oħrajn li, fil-passat, sofrew l-okkupazzjoni tal-eks-Unjoni Sovjetika, jemmnu li l-iżviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna kapaċi, fil-futur, jirriżultaw f’theddida diretta għall-artijiet tagħhom.
Fl-aħħar snin, l-Iżvezja u l-Finlandja – it-tnejn ġirien tar-Russja u li sa ftit ilu kienu qed jimplimentaw politika ta’ newtralità – issieħbu fl-Alleanza tan-NATO bħala ‘l-aħjar forma ta’ diviża kontra kwalunkwe aggressjoni potenzjali min-naħa ta’ Moska’.
Intant, il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja – it-tliet Stati Baltiċi u lkoll membri tal-Unjoni Ewropea – reġgħu daħħlu s-sistema tal-lieva, waqt li l-Polonja, li għandha storja twila ta’ antagoniżmu ma’ Moska, investiet il-biljuni fil-bini ta’ ħajt mal-fruntiera komuni mar-Russja.
Diversi pajjiżi fl-Ewropa, fil-passat, kienu tilfu l-kontroll fuq partijiet tat-territorji tagħhom b’kaġun tal-gwerer…. U l-inkwiet fost il-Mexxejja Ewropej jitratta xenarju fejn l-Istati Uniti tippermetti biex ir-Russja ‘tfassal mill-ġdid il-fruntieri tal-Ukrajna’.
Dan meta l-Unjoni Ewropea mhix lesta li taċċetta xi forma ta’ għarfien legali għas-sovranità tar-Russja fuq iz-zoni Ukreni – fosthom ir-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk – li spiċċaw okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump insista li kwalunkwe ftehim għall-paċi għandu jinvolvi ‘skambju ta’ territorji’ u fejn dendel il-probabbiltà li r-Russja tieħu r-reġjun sħiħ tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna waqt li tibqa’ iżżomm il-Penisola tal-Krimea.
Possibbiltà oħra, f’dan ix-xenarju, hu li r-Russja ċċedi r-reġjuni Ukreni ta’ Kherson u Zaporizhzhia li huma parzjalment okkupati mis-suldati tagħha.
Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, sadanittant, qal li l-Alleanza tiegħu ma tirrikonoxxi qatt sitwazzjoni fejn uħud mill-artijiet tal-Ukrajna jispiċċaw għal kollox bħala ‘territorji estiżi tar-Russja’ .
Kwalunkwe forma ta’ għarfien formali għas-sovranità tar-Russja fuq l-artijiet Ukreni speċifikati tirrikjedi bidla fil-Kostituzzjoni tal-Ukrajna u li teħtieġ tkun approvata permezz ta’ referendum nazzjonali….Referendum li anki jeħtieġ li jkun approvat mill-Parlament fi Kiev.
Tragward bħal dan, fil-fatt, jitqies bħala ‘wisq diffiċli’ għall-President Ukren Volodymyr Zelensky anki jekk hu jispiċċa kostrett li jimxi ma’ dan il-pjan… Lanqas mhu eskluż li l-Gvern Ukren jispiċċa xolt f’dan ix-xenarju.
//= $special ?>