Futbol Sport

Lejlet id-debutt għad-difiża tal-Malta Premier, Ħamrun Spartans wetqu diversi bidliet fl-ismijiet ta’ plejers barranin

Il-mira ta’ Ħamrun Spartans għal dan l-istaġun il-ġdid hi li jirbħu r-raba’ Kampjonat konsekuttiv (ritratt ta' Joseph Galea)
Il-mira ta’ Ħamrun Spartans għal dan l-istaġun il-ġdid hi li jirbħu r-raba’ Kampjonat konsekuttiv (ritratt ta' Joseph Galea)

Ftit jiem biss qabel jibda l-YoHealth Malta Premier 2025/26, nagħtu ħarsa lejn l-attivitá kollha li kellhom s’issa ċ-champions Ħamrun Spartans matul dan is-sajf ta’ kampanja akkwisti

Qabel il-bidu ta’ staġun ieħor, għal, sena oħra ħafna mill-attenzjoni tad-dillettanti tal-futbol lokali huma ċ-champions Ħamrun Spartans.

Wara li rebħu l-Malta Premier tliet snin fuq xulxin, u huma l-uniku klabb Malti li dan l-istaġun għadhom qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-UEFA, ħafna qed jerġgħu ibassaru li l-iskwadra mmexxija mill-kowċ il-ġdid Giacomo Modica, hija waħda mill-akbar, jekk mhux l-akbar favorita biex tirbaħ il-Kampjonat f’Mejju li ġej.

Iżda kif nafu, hu diffiċli biex wieħed jagħmel previżjoni ta’ min jista’ jirbaħ it-titlu ta’ champions, speċjalment kif inhu l-format tal-Kampjonat lokali. Li hu żgur hu li għal staġun ieħor, Ħamrun Spartans għamlu diversi bidliet fin-nukleju ta’ plejers li jiffurmaw l-iskwadra għal dan l-istaġun 2025/26.

Modica għażel li jġib miegħu fl-iskwadra Ħamruniża, diversi plejers li diġa’ ħadem magħhom fl-Italja u jaf biżżejjed x’potenzjal kapaċi joffru.

Lilhinn minn dan, fost l-il-lista twila ta’ ismijiet li ffirmaw ma’ Ħamrun Spartans għal dan l-istaġun, jispikka r-ritorn ta’ Jonny Robert u l-eks plejer internazzjonali tal-Kroazja, Amte Coric.

Bl-istess mod, Ħamrun Spartams ċedew diversi elementi. Uħud minn dawn kienu pedini importanti fit-tim tul dawn l-aħħar tliet staġuni, meta t-tim dejjem rebaħ il-Kampjonat. Jispikka l-isem tal-captain, Steve Borg u ta’ wieħed mill-aqwa plejers barramin li kelna fil-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin, il-Kroat, Roko Prsa.

Il-prestazzjomijiet li taw Ħamrun Spartans fl-Ewropa dan l-istaġun urew li fl-akkwisti tal-plejers il-ġodda barranin, l-istaff tekniku għamel xogħlu tajjeb; tal-anqas hekk jidher s’issa.

Int x’taħseb? Ħamrun Spartans ta’ dan l-istaġun huma b’saħħithom aktar mill-aħħar Kampjonat li rebħu?