Opinjoni

OPINJONI: Ix-Xellug fl-Italja

Il-ktieb ‘La Nostra Parte’ (2022) ta’ Elly Schlein

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Bħal dan iż-żmien sena sibt ruħi ndur numru ta’ rħula u bliet fi Sqallija. F’wieħed, waqt li kont qed indur it-toroq fis-sħana, riħ isfel u f’ambjent storiku li dik il-gżira tagħti, dħalt f’ħanut antik tal-kotba.

Dħalt proprjament infittex ktieb ieħor ta’ Elio Vittorini (1908-1966), Conversazione in Sicilia (1941) u ma sibtux. Minflok, fuq l-ixkafef kien hemm, forsi stranament, il-ktieb l-iktar riċenti ta’ Elly Schlein (1985) bit-titlu La Nostra Parte (2022). Schlein hija bħalissa l-persuna li ġiet eletta fl-2023 bħala Segretarja tal-Partit Demokratiku fl-Italja. Għalqet sentejn fil-kariga tagħha u numru ta’ drabi nsib li jkun utli li wieħed jaqra dak li jingħad minn politiċi li għandhom responsabbiltajiet xejn faċli.

Alternattiva

Iktar u iktar fil-kuntest tal-politika ġenerali ta’ dak il-pajjiż viċin tagħna. Wieħed li aktar ma jgawdi minn stabbiltà fil-Gvern aktar aħjar għalih, u fit-tul, anki għalina. Dan kemm fuq livell ta’ kummerċ, turiżmu u abbiltà ta’ ċittadini varji li jistgħu jaħdmu fiż-żewġ pajjiżi. Dan ukoll fil-kuntest politiku preżenti fejn il-pajjiż huwa mmexxi, illum għal kawżi tliet snin, minn Georgia Meloni (1977).

Dan f’koalizzjoni ta’ tliet partiti fuq iċ-ċentru lemin: Fratelli d’Italia, Forza Italia u l-Lega. Waħda li sa issa żammet lilha nnifisha għaddejja mingħajr kriżijiet kbar. B’deċiżjonijiet varji li anki jekk mhumiex neċessarjament ma’ dak li ġie dikjarat qabel u anki jekk ma taqbilx magħhom, xorta huma relevanti għall-politika nazzjonali u Ewropea tagħna.

Punti partikolari

Dan aktar u aktar fil-kuntest tad-deċiżjoni li mxiet pass ieħor ’il quddiem fis-6 ta’ Awwissu biex jinbena pont twil bejn Sqallija u l-parti l-oħra tal-pajjiż: il-Kalabrija. Verament ħolma twila sekli, li f’għajn ħafna hija parti importanti sabiex tibdel iktar l-ekonomija u l-mobilità soċjali sħiħa ta’ din il-parti t’isfel. Proġett li nbeda qabel diversi drabi oħra imma li ma wasalx fil-konklużjoni tajba.

Issa jidher li hemm pass aqwa u li fil-fatt jiddependi mill-istabbiltà tal-Gvern, kemm llum kif ukoll f’leġiżlatura oħra. Wieħed li għalih se jkun hemm spiża qawwija ta’ biljuni ta’ ewro u li permezz tiegħu se naraw ċaqliq kummerċjali qawwi. Wieħed ukoll li jekk jirnexxi se jkun kukkarda f’ħidmet Meloni. Wieħed li jaf jolqotna għax jibqa’ dejjem determinanti għan-negozjanti f’pajjiżna li jkollhom sistema iktar faċli u veloċi li biha tista’ tibgħat u tirċievi merkanzija mill-Ewropa.

Oppożizzjoni

Proprju fuq dan wieħed irid jara jekk il-partiti li mhumiex fil-gvern għandhomx il-probabbiltà li jkunu lura fil-poter. It-tnejn prinċipali huma dawk immexxija minn Schlein u ċ-Cinque Stelle ta’ Giuseppe Conte (1964). Żewġ personalitajiet differenti li mhuwiex faċli li ġġib f’daqqa.

Dan kemm għax hemm kunflitti imma wkoll għax għandhom partiti oħra iżgħar li huma determinanti. Bħall-Italia Viva ta’ Matteo Renzi (1975), li sa issa jidher li għadu ċar fi kliemu u f’ħidmietu. Dan huwa iktar partikolari wara li fis-7 ta’ Awwissu l-membri tal-Partit fi ħdan iċ-Cinque Stelle ddeċidew li jingħaqdu mal-Partit Demokratiku fl-appoġġ ta’ Eugenio Giani (1959) fl-elezzjonijiet reġjonali fit-Toskana. Deċiżjoni mill-iktar interessanti għax kienet il-bażi tal-partit li qed tħoss li jekk ix-xellug irid ikun alternattiva jrid jagħraf jingħaqad.

La Nostra Parte

F’dan ħassejt aktar li l-qari ta’ dan il-ktieb kien importanti biex nifhem ftit dak li taħseb Schlein. F’ħafna, il-linja hija dik li titolu introduttiv jagħti: ‘Per la Giustizia sociale e ambientale insieme’ (Għall-ġustizzja soċjali u ambjentali f’daqqa). Stampat verament fis-sena qabel laħqet, però huwa evidenti li l-linja hija waħda ta’ protesta lejn is-soċjetà. Iktar viżjoni ta’ persuna impenjata fi ħdan is-soċjetà ċivili milli dik ta’ partit, timbuttak kontinwament dak li tara aħjar bħala ‘mobilitazione collettiva’.

Biss, il-ktieb huwa spjegattiv fis-sens li l-pożizzjonijiet politiċi tagħha huma, jew kienu, bażati fuq fatti, statistika u opinjonijiet akkademiċi u studjużi varji. Fl-istess waqt però tifhem li tista’ ċċaqlaq iktar ix-xellug, imma mhijiex neċessarjament vuċi fiċ-ċentru xellug.

X’tgħid

F’dan insibuha tgħid hekk: “Proprio nell’ascolto della società e delle sue diverse articolazioni, dei saperi di cui sono portatrici le parti sociali, le rappresentanze e realtà del terzo settore, dell’approcio orientato ai dati della ricerca e dell’università si possono scrivere politiche pubbliche più giuste perché costruite a misura dei bisogni diversi che le comunità e i territori esprimono.” (Proprju fuq dak li wieħed jifhem mingħand is-soċjetà u dak kollu li tiddikjara, l-informazzjoni li jiġbru l-partijiet soċjali, dawk li jirrappreżentaw u r-realtajiet tat-tielet settur, il-mod ta’ kif wieħed iħares lejn ir-riċerka u l-università li wieħed jista’ jikteb politika pubblika iktar ġusta għaliex mibnija u magħmula għall-bżonnijiet varji li l-komunità u t-territorju jesprimu).

Waqt li tinsisti li min hu fil-politika għandu r-responsabbiltà li jnaqqas, u mhux ikabbar, it-tensjonijiet soċjali u l-inġustizzji tagħhom. Tgħid hekk: “Per ridurre le diseguaglianze dobbiamo ridistribuire la ricchezza, il potere e il sapere.” (Biex innaqqsu l-inugwaljanza hemm bżonn li nqassmu aħjar il-ġid, il-poter u l-għerf).

Tiġdid

Għandha diversi punti oħra f’dan il-ktieb li mhuwiex verament faċli li taqra, u anzi f’mumenti, ikkumplikat. Biss għandha attenzjoni partikolari kemm għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiem u wara wkoll dwar l-isfida tal-immigranti irregolari. Fir-rigward tal-ewwel tiddikjara, f’linja li kienet punt ta’ diskussjoni u konverġenza snin ilu li, f’ħafna, intilfet. Iżda li hija tqajjem mill-ġdid b’attenzjoni meta tgħid hekk: “Altre strategie interessanti sono quelle che, investendo sul dialogo sociale, mirano ad aumentare la partecipazione strategica di lavoratrici e lavoratori alle scelte delle imprese e alla condivizione di obiettivi e risultati, migliorando la produttività.” (Strateġiji oħra interessanti huma dawk li jinvestu fid-djalogu soċjali, li jimmiraw biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-għażliet tal-kumpaniji, u fil-qbil tar-riżultati u l-miri li jassiguraw produttività aqwa).

Immigrazzjoni

Tiddiskuti fil-fond u b’passjoni, speċjalment fuq l-isfruttament li jsir minn diversi ħaddiema ġejjin minn pajjiżi varji barra mill-Unjoni Ewropea, speċjalment fl-agrikoltura. Fil-bżonn li wieħed jgħin biex ikun hemm ekonomija aktar soda fil-pajjiżi tal-oriġini. Imma tirbaħ dan b’argument iktar fond meta tgħid hekk: “Insomma, per aiutarli anche ‘a casa loro’ c’è molto che in realtà dobbiamo fare a casa nostra. Servono politiche estere, migratorie, commerciali, fiscali, climatiche, e della cooperazione molto più coerenti, che smettono di alimentare il circolo vizioso delle diseguaglianze globali e riducano i divari, ritrovando relazioni basate sull’equità.” (Biex wieħed jgħinhom ‘f’darhom’ hemm ħafna li jista’ fir-realtà jsir f’darna. Hemm bżonn ta’ politika barranija, dik dwar l-immigrazzjoni, dik kummerċjali, fiskali, klimatika u ta’ koperazzjoni aktar koerenti; li jieqfu d-diviżjonijiet u li wieħed ifittex li jibni relazzjonijiet bażati fuq l-ekwità.)

Il-Futur

X’se jiġri fl-Italja fis-snin li ġejjin, ma nafux. Imma hu proċess li fih jidher li jekk iċ-ċentru lemin ma jiżbaljax u jibqa’ kompatt, se jibqa’ fil-poter. Iktar u iktar kif sejrin b’Georgia Meloni, li qiegħda tersaq aktar lejn pożizzjonijiet Demokristjani.

F’dan, l-isfida fuq Elly Schlein hija ikbar. Biex tirbaħ elezzjoni ġenerali trid ferm iktar. Mhux biss koalizzjoni tax-xellug kollu, imma wkoll bidla fil-viżjoni tagħna aktar lejn iċ-ċentru. Trid iġġib il-partit kollu warajha, inkella aqwa, trid tifhem iktar li hi mhijiex parti mill-partit imma kollu kemm hu. Ir-riżultati reġjonali jistgħu jissudawha internament imma trid ferm iktar biex tmexxi partit, u wara, gvern.

Dan kollu għad irridu naraw f’dak li x-xellug se jirnexxilu jwettaq, jew le.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 12 ta’ Awwissu, 2025.