Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar
F’dawn il-jiem din il-gazzetta Il-Mument tkellmet max-Shadow Minister tal-Ippjanar u l-Artijiet, l-Inġ. Stanley Zammit dwar kif l-Abbozzi ta’ Liġijiet li ressaq il-Gvern Laburista dwar l-ippjanar jikkonfermaw il-falliment sistemiku tal-Partit Laburista fil-Gvern u li il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku forza politika b’viżjoni riformista serja għal Malta
L-Abbozzi ta’ liġijiet 143 u 144 ippreżentati mill-Gvern Laburista għal diskussjoni taparsi fl-aħħar ġranet tal-Parlament qabel il-vaganzi tas-sajf u, possibbilment qabel il-baġit għas-sena d-dieħla li jroxx il-bżar fl-għajnejn u elezzjoni bikrija, huma xhieda tad-diżastru fl-ippjanar matul dawn l-aħħar tnax-il sena u huma każ ieħor ta’ falliment demokratiku.
F’pajjiż fejn il-politika tal-ippjanar tiffurma l-kwalità tal-ħajja, l-identità nazzjonali u s-sostenibbiltà ambjentali, il-Gvern ta’ Robert Abela pprova jgħaddi tibdiliet serji mingħajr konsultazzjoni pubblika u spiċċa jsib reżistenza nazzjonali mmexxijja minn Oppożizzjoni effettiva.
Fost dawk kollha li tkellmu kontra l-proposti tal-Gvern kien hemm l-Eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat. X’taħseb li waslu biex jikkumenta fil-pubbliku?
Joseph Muscat ried ifakkar lill-benjamin tiegħu u lill-istess persuna li wiegħed kontinwazzjoni tal-politika u l-istil ta’ tmexxijja tiegħu tliet punti ewlenin.
L-abbozzi huma ammissjoni li l-politika tal-Gvernijiet Laburisti kienet żbaljata, b’mod partikolari meta kkunsidraw li Robert Abela nnifsu kien konsulent imħallas biex saru dawn l-istess policies. Dawn il-politiċi rmew il-ġustizzja u ċ-ċertezza fl-ippjanar u daħlu l-ambigwità għad-dannu tal-ambjent u taċ-ċittadin żgħir.
Joseph Muscat fakkar lil Robert Abela biex jerġa’ jmur għat-tattika tal-“moxt u mera” u jagħti l-impressjoni li qed jisma’, imma mbagħad jagħmel ta’ rasu, anke jekk din twassal għal nuqqas ta’ ġustizzja soċjali, fejn il-kbir sar iktar sinjur u ż-żgħir jiġi minsi, kif diġa ġara.
Partit Laburista maqsum
Joseph Muscat qed jerġa’ jgħaddi l-messaġġ li l-Partit Laburista jinsab maqsum f’biċċiet u li fi ħdanu hemm rabja kbira kontra d-deċiżjonijiet ta’ Robnert Abela, uħud minnhom meqjusa bħala favur l-interessi tal-ftit. Huwa sfrutta r-rabja pubblika u tal-għaqdiet ambjentali biex juri kif Abela tilef l-appoġġ anke minn ġewwa l-Partit tiegħu.
Joseph Muscat uża l-kritika tiegħu biex iwissi lil Robert Abela li t-triq li għażel mhux biss qed tarmi l-valuri Laburisti, imma qed tqarraq bil-pubbliku u qed toħloq qasma dejjem tikber ġewwa l-partit tiegħu stess.
Kif qed tispjega inti dan ma kienx żball ta’ PR imma eżerċizzju biex il-Gvern Laburista jgħaddi romblu minn fuq kulħadd u kien biss għax kien imġiegħel li għamel u-turn u mhux għax in-nies ma fehmux, jew ma jifhmux. Qed nifhem sew?
Dan ma kienx żball ta’ Relazzjonijiet Pubbliċi (PR), iżda eżerċizzju intenzjonat mill-Gvern Laburista biex jgħaddi bidla kontroversjali fl-ippjanar minn wara dahar kulħadd u mingħajr konsultazzjoni. Il-Gvern pprova jgħaġġel l-approvazzjoni ta’ liġijiet li jaffettwaw l-ambjent, il-komunitajiet u d-drittijiet taċ-ċittadini, billi jevita apposta li jinvolvi lill-pubbliku, lill-għaqdiet, lill-professjonisti u lill-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista rrimarka dan b’mod ċar fil-mozzjoni tiegħu, u kien biss wara pressjoni immedjata, infurmata u wiesgħa tal-Oppożizzjoni u ta’ diversi partijiet tas-soċjetà li l-Prim Ministru Abela ġie mġiegħel jagħmel pass lura. Il-kliem tiegħu li “ma fhimniex” huwa skuża dgħajfa. Il-problema ma kinitx nuqqas ta’ spjegazzjoni iżda assenza maħsubha minn qabel ta’ konsultazzjoni u djalogu.
Dan kollu juri li l-Gvern ma jqisx lin-nies bħala sieħba f’viżjoni komuni għall-pajjiż. Bil-kontra, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħares lejn il-pjanar bħala proċess demokratiku u parteċipattiv, fejn il-viżjoni ta’ Malta trid tinbena mal-poplu, mhux minn wara dahru.
Qed tgħid li dan huwa falliment ta’ Governanza?
Iva, dan huwa falliment serju ta’ governanza tajba. F’qasam kritiku bħall-ippjanar, l-għażla deliberata tal-Gvern li jevita t-trasparenza u l-involviment pubbliku tirrifletti amministrazzjoni li ma tafdax liċ-ċittadini tagħha. Din mhux riforma, iżda manipulazzjoni legali u leġislattiva mmirata biex tgħato aktar saħħa lill-poter tal-Ministru u tal-Awtorità, u ddgħajjef dik tan-nies fil-proċess ta’ ppjanar.
U dan isaħħaħ dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid għal xhur sħaħ: din qatt ma kienet riforma vera. Kien biss eżerċizzju ta’ manipulazzjoni legali biex jingħata aktar poter lill-Ministru u lill-Awtorità tal-ippjanar u jgħati d-daqqa mortali lis-saħħa tan-nies fl-ippjanar.
B’kuntrast ċar, il-Partit Nazzjonalista wera xi jfisser li tkun verament forza alternattiva li tirrispetta d-demokrazija: Sejjaħna għall-konsultazzjoni wiesgħa, ippublikajna kritika ċara, strutturata u legalment b’saħħitha u pproponejna alternattivi serji msejsa fuq medjazzjoni strutturata, salvagwardji ġudizzjarji u tisħiħ tal-qafas tal-ippjanar.
Dan huwa kif jaġixxi gvern alternattiv serju, wieħed li jisma’, jikkonsulta u jmexxi b’integrità.
Għaliex dawn huma liġijiet anti-demokratiċi u li joqtlu s-saħħa tan-nies fl-ippjanar?
F’kull sistema ta’ ppjanar ġusta hemm prinċipju sempliċi iżda fundamentali: iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ żvilupp li jnaqqru mill-kwalità tal-ħajja u l-ambjent tagħhom. Permezz ta’ dawn l-Abbozzi, il-Gvern ipprova jkisser dan il-prinċipju, b’mod kwiet, sistematiku u b’konsegwenzi diżastrużi.
Dawn l-emendi mhumiex aġġustamenti żgħar għall-effiċjenza. Huma strumenti legali mfassla biex inaqqsu l-appelli, jimminaw s-setgħa tal-Qrati, u jiċentraliżżaw id-diskrezzjoni f’idejn il-Ministru u dawk maħtura politikament minnu.
Din m’hijiex sempliċement politika ħażina tal-ippjanar. Dan huwa rigress perikoluż tas-saltna tad-dritt.
Kienu l-Partit Nazzjonalista, l-NGOs u l-korpi kostitwiti li riedu u emfassizzaw illi permess għandu jiġi sospiż sakemm ikun għadu appellat. Ħadd ma għaddielu minn rasu, u wisq anqas saqsa, biex l-iskrutinju ġudizzjarju jiġi rrelegat għal teatru ġudizzjarju u l-Qorti tal-Appell ssir biss konsulent permezz ta’ ċirku burokkratiku bla sens.
Eżempju ieħor ieħor fejn il-vuċi tan-nies qed tiġi msikta huwa fejn il-Gvern irid li il-Ministru jista’ jagħti permess ġdid għal żviluppi skaduti, inkluż f’ODZ jew f’żoni sensittivi, mingħajr ma jkun hemm dritt ta’ oġġezzjoni mill-pubbliku, u mingħajr ma japplika policies jew regolamenti ambjentali aġġornati.
Dan jiftaħ il-bieb għal sistema parallela tal-ippjanar, fejn permessi antiki jistgħu jiġġeddu bil-moħbi, filwaqt li l-komunitajiet affettwati ma jkunux jistgħu jintervjenu u l-pubbliku ser ikun irrifjutat minn protezzjoni ta’ liġijiet u policies ta’ protezzjoni ambjentali aġġornati.
Għalhekk dawn il-proposti jheddu s-salvagwardji fundamentali li jiżguraw li deċiżjonijiet tal-ippjanar ikunu legali, ġusti u fl-interess pubbliku. F’Malta, pajjiż b’art limitata, wirt storiku imprezzabli imma fraġli u pressjoni kontinwa għall-iżvilupp, dawn is-salvagwardji huma vitali. It-tneħħija tagħhom iħalli lill-komunitajiet esposti, u l-interess pubbliku bla difiża.
Din ir-riforma mhix maħsuba biex ittejjeb is-sistema tal-ippjanar. Hi maħsuba biex tillimita r-reżistenza pubblika, biex il-Kunsilli Lokali u r-residenti jsibuha aktar diffiċli biex jappellaw, l–NGOs ambjentali jitilfu għodod kruċjali biex jipproteġu l-art ODZ, siti storiċi u l-infrastruttura tal-komunità, u d-dritt għal appell legali jsir biss formalità u mhux rimedju effettiv. Dan mhu xejn għajr iż-żarmar tal-proċess kollu tal-ippjanar.
Hawn ukoll il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni ċara, soda, minn kmieni u b’argumenti legali dettaljati u serji. Qed jiddefendi s-setgħa tal-Qrati li jħassru permessi difettużi, mhux sempliċement jibagħtuhom lura.
Aktar minn hekk il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi proposti konkreti ta’ medjazzjoni u mekkaniżmi ta’ kjarifikazzjoni li jippromwovi d-djalogu u t-trasparenza, iħaffef il-proċess u jnaqqas l-ispejjeż, u jsaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-iskrutinju pubbliku.
Dak li l-Gvern qed isejjaħ “streamlining” huwa evidentament it-tneħħija tad-djufijja għall-appell. Dak li qed isejjaħ “effiċjenza” huwa l-eliminazzjoni tal-kontabbiltà. Il-Partit Nazzjonalista mhux biss qed joġġezzjona, imma qed jiddefendi s-saltna tad-dritt u qed joffri triq aħjar ’il quddiem.
Fil-kritika tiegħu, konsistentament, il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal riforma serja mhux tibdiliet sellettivi u bil-biċċiet. Wara li ġew ippublikati dawn l-abbozzi, kemm għada ġustifikata din il-kritika?
Ħa nsaqsik jekk ma jimpurtax. Tista’ tispjegali l-viżjoni li qed issuq dawn it-tibdiliet?
Meta sistema ta’ ppjanar tkun falliet, kif qed jammetti l-istess Gvern, ir-risposta responsabbli m’għandhiex tkun lapazzar imma re-engineering mill-qiegħ.
Il-Gvern Laburista, konsistentament, qed jipproponi eżattament bil-maqlub: emendi frammentati u mingħajr viżjoni fit-tul u koerenti.
Din m’hijiex riforma vera. Dan huwa lapazzar leġiżlattiv ippreżentat bħala xi tip ta’ progress.
Għadna minngħajr il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar. Għadna minngħajr reviżjoni serja u ħolistika tal-Pjani Lokali. Għadna lanqas biss ghandna l-istudji bażiċi bħal Carrying Capacity Study.
Minflok ma ppreżenta viżjoni bbażata fuq ir-realtajiet demografiċi, ambjentali u infrastrutturali tal-lum u minflok ma ġiet proposta riforma sħiħa bbażata fuq djalogu pubbliku, il-Gvern għażel li jippreżenta żewġ abbozzi li jagħmlu tibdilijiet sostanzjali u perikolużi.
Il-Gvern qed jipprova jimmodifika s-sistema tal-ippjanar mingħajr ma jaf x’għandu bżonn u x’jiflaħ Pajjiżna, u x’jixtiequ l-komunitajiet tagħna. Qisu tabib nofs kedda li jiktiblek il-mediċina mingħajr għadek lanqas biss għedtlu x’qed tħoss u jittama li b’xi mod il-mediċina taħdem!
L-emendi fl-Abbozzi 143 u 144 huma bidliet iżolati li jirrigwardaw iċ-ċentralizazzjoni tal-poter u d-deċiżjoni amministrattiva, u jifgaw id-drittijiet tan-nies.
Minflok sistema fejn id-deċiżjonijiet jiġu mmexxija mid-data, mill-kompetenza, mill-parteċipazzjoni demokratika u mill-kjarezza u ċ-ċertezza legali, il-Gvern qed jibni sistema mmexxija fuq id-diskrezzjoni tal-Ministru u fuq ambigwità legali.
Għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-emendi qed iżidu l-inċertezza legali u jippromwovu aktar diskrezzjoni fl-interpretazzjoni tal-policies. Dawn huma biss għodod għall-applikazzjoni selettiva tal-liġi?
Il-kuntrast huwa ċar: waqt li l-Partit Nazzjonalista qed joffri pakkett sħiħ għal riforma ħolistika, il-Gvern qiegħed jipreżenta miżuri leġiżlattivi frammentati u tentattivi biex jikkonsolida il-poter. Għalhekk taħseb li Partit Nazzjonalista kellu raġun sa mill-bidu li din hija biss riforma tal-isem u rigress fil-verita’?
Dan mhux qed jgħidu biss il-Partit Nazzjonalista jew l-għaqdiet ambjentali biss.
Il-Kamra tal-Kummerċ sejħet ir-riformi “ad hoc” u nieqsa minn sinsla strateġika bir-riskju kbir illi dawn it-tibdiliet aktar ser jaggravaw is-sitwazzjoni milli issolvuha.
Il-Kamra tal-Periti (KTP) esprimiet tħassib li l-bidliet huma “piecemeal” u sejħet għal riforma kompleta bbażata fuq il-konsultazzjoni, fuq viżjoni ċara u mifthiema u fuq allinjament strutturali.
Anke jekk uħud mill-miżuri proposti, bħalma huma titjib fl-iskadenzi tal-appelli u s-sospensjoni tal-permessi waqt appell, huma proposti tajbin u jirriflettu dak ilha tgħid l-Oppożizzjoni, dawn kellhom jiġu kkunsidrati f’riforma strutturata, serja u ta’ kwalità.
Imma, meta jiddefsu f’sistema staġnata u llapazzata, minngħajr sistema strutturata, dawn it-“tweaks” iżolati aktar iħawdu, inaqqsu l-fiduċja u joħolqu aktar konflitti legali.
Agħar minn hekk, dawn jagħtu biss dehra finta ta’ riforma taparsi, filwaqt li jħallu l-fallimenti strutturali kollha intatti.
Il-governanza batuta tal-Gvern Laburista hija rifless minn-nuqqas ta’ Strateġija u Pjani Lokali aġġornati li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-karattru tal-lokalitajiet tal-lum, mill-assenza ta’ għodod strateġiċi nazzjonali bħall-analiżi u l-istudji bażiċi, u mill-ineżistenza ta’ koordinazzjoni istituzzjonali bejn l-ippjanar, l-akkomodazzjoni, t-trasport, infrastruttura, l-ambjent, is-sostenibilità u l-kwalità tal-ħajja.
F’kuntrast qawwi, il-Partit Nazzjonalista ilu jappella għal aġġornament immedjat u sħiħ tal-Pjani Lokali u l-SPED, għal strateġija nazzjonali għall-ippjanar ibbażata fuq carrying capacity studies u oħrajn, fuq ġustizzja spazjali u fuq sostenibbiltà fit-tul.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed riforma istituzzjonali ħolistika biex jerġa’ jingħata r-rwol strateġiku lill-Awtorità tal-Ippjanar, li dan il-Gvern irriduċa f’Uffiċċju tal-Permessi, u rridu nagħtu status professjonali lill-professjnisti fl-ippjanar.
Aħna impenjati li nibnu sistema ta’ ppjanar li tkun viżjonarja, bażata fuq id-data, iċċentrata fuq in-nies u lesta għall-futur—mhux waħda miġbura b’liġijiet ad hoc u diskrezzjoni arbitrarja.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 10 ta’ Awwissuu, 2025.
//= $special ?>