Futbol Sport

Sajf bieżgħel u attiv fis-suq tat-trasferimenti għal Gżira United

L-internazzjonali Malti, Gabriel Mentz jibqa' wieħed mil-plejers l-aktar importanti ta' Gżira United
L-internazzjonali Malti, Gabriel Mentz jibqa' wieħed mil-plejers l-aktar importanti ta' Gżira United

Mingħajr dubju, it-tim li issa hu mmexxi mill-kowċ Malti Clive Mizzi, ħadem mhux ftit biex jittrasforma l-iskwadra għal waħda aktar b’saħħitha wara d-diżappunt tal-istaġun li għadda fil-Malta Premier

Wara staġun diżappuntanti għal Gżira United, fejn fiż-żewġ rawnds rispettivi tal-Malta Premier, fid-darbtejn spiċċaw jilgħabu mal-aħħar sitta, il-maroons qed iħarsu li jkollhom Kampjonat pożittiv b’riżultati aħjar.

Taħt il-Presidenza tal-imprenditur ħabrieki, Sharlon Pace, sa mill-ewwel ġranet tas-suq tat-trasferimenti tas-sajf, Gżira United bdew jaħdmu biex jakkwistaw plejers li jistgħu jagħmlu d-differenza u jgħollu l-kwalita tal-iskwadra.

Il-Gżirjani biddlu t-tmexxija teknika u se jerġa’ jkollhom kowċ Malti meta ħatru lill-eks plejer ta’ diversi klabbs fil-Kampjonat Premier, Clive Mizzi. L-eks kowċ ta’ Melita ħadem fuq akkwisti li huma tal-fiduċja tiegħu u fis-sentejn li għamel ma’ Melita kellhom sehem importanti fil-ħidma tiegħu bħala kowċ.

Fil-fatt fost il-plejers li ffirmaw, Gżira United akkwistaw xejn inqas minn ħames plejers li lagħbu ma’ Melita fl-istaġun li għadda, meta dawn kienu fil-Malta Premier.

L-aktar akkwist importanti għall-Gżirjani kien ir-ritorn tal-iskorer prolifiku Maxuell Samurai. Il-lista ta’ plejers ġodda minn Gżira United, tinkludi ukoll l-esperjenza tal-eks internazzjonali Malti, Clayton Failla.

B’numru ta’ plejers ġodda fit-tim ta’ Mizzi, kien mistenni t-tluq ta’ diversi plejers. Fost dawn ħallew l-iskwadra l-barranin Thaylor u Jackson Mendonza li se jibdew esperjenza ġdida ma’ Valletta, Macula li ffirma ma’ Birkirkara u l-internazzjonali Malti, Enrico Pepe.

Kif jidher fil-grafika ma’ dan l-artiklu, tal-plejers akkwistati u dawk li l-klabb ċeda, Gżira United kellhom sajf bieżgħel, u mhux eskluż li mal-lista ta’ akkwisti u tluq ta’ plejers mill-iskwadra eżistenti, ikun hemm aktar plejers li jiżdiedu ma’ dawk iż-żewġ listi rispettivi, sal-aħħar t’Awwissu.

L-entużjażmu fil-klann Gżirjan jidher li hu ikbar minn dak tal-aħħar staġun, iżda bit-trasferimenti ta’ plejers li għamlu matul dawn ix-xhur tas-sajf, temmen li l-maroons huma aktar kompetittivi mill-istaġun li għadda?