Sport Waterpolo

San Ġiljan u Neptunes bi dwell ukoll fin-knock-out… il-Ħamis jiltaqgħu fil-finali mistennija

(Ritratt: Catriel Farrugia)

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN….. 10

SIRENS BUILD FITNESS……….. 9

(2-2), (4-2), (3-3), (1-2)

San Ġiljan MAA Daikin jinsabu pass eqreb li jiksbu l-BOV Knock-Out tal-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ sena meta fis-semifinali għelbu lil Sirens Build Fitness. Għalkemm ħadu li riedu, San Ġiljan sabuha diffiċli quddiem oppożizzjoni denja, b’Sirens baqgħu sal-aħħar jippruvaw isalvaw ir-riżultat.

Sirens irnexxielhom imorru 2-0 fil-vantaġġ fil-bidu tal-logħba b’gowls ta’ Nicolas Bicari u Isaiah Riolo iżda San Ġiljan irkupraw u mhux biss annullaw l-iżvantaġġ permezz ta’ Ben Plumpton u Aaron Younger iżda fit-tieni sessjoni ħadu vantaġġ ta’ 5-2. Sirens irkupraw fl-aħħar minuta tas-sessjoni u naqqsu d-distakk għal 6-4.

Il-Ġiljaniżi dehru li setgħu jinqatgħu minn mal-avversarji meta lejn nofs it-tielet sessjoni kabbru d-distakk għal erba’ gowls iżda għal darba oħra Sirens baqgħu fil-logħba u reġgħu qatgħu d-distakk min-nofs b’gowls ta’ Peter Borg u Bicari.

San Ġiljan bdew l-aħħar sessjoni 9-7 fil-vantaġġ iżda l-gowl kmieni fis-sessjoni ta’ Riolo nissel ftit inċertezza għalkemm Jeremy Abela żamm żewġ gowls distakk. Il-gowl ta’ Matthew Sciberras madwar tliet minuti mit-tmiem, ħalla kollox indeċiż. Sirens kellhom anki okkażjoni biex jagħmlu l-iskor indaqs iżda ma kinux preċiżi quddiem il-lasta.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja, D. Tully, R. Caruana, A. Younger (2), M. Zammit (1), J. Bonavia, B. Plumpton (1), J. Abela (2), N. Zammit (2), D. Zammit, N. Schiavone (2), Z. Attard, G. Bonavia

Sirens: J. Parnis, P. Serracino, N. Bicari (2), P. Borg (1), J. Cachia, K. Agius (1), M. Ortoleva, I. Riolo (3), J. Zerafa Gregory, M. Sciberras (2), Z. Mizzi, G. Farrugia, N. Rafailovic, G. Pace

Referees: Luca Iacovelli, Alex de Raffaele

EXILES WELBEE’S…………..…… 8

NEPTUNES BEST GYMS…….. 16

(0-2), (3-5), (3-5), (2-4)

Neptunes Best Gyms komplew is-serje ta’ rebħiet konsekuttivi għal sitta meta din id-darba eliminaw lil Exiles Welbee’s min-knock-out u se jilagħbu kontra San Ġiljan fil-finali. Neptunes ikkontrollaw il-logħba mingħajr wisq diffikultà u qatt ma dehru li setgħu jitilfu l-logħba għalkemm Exiles kellhom il-mumenti tagħhom.

Doppjetta ta’ Luigi Mallia fil-bidu u fl-aħħar tal-ewwel sessjoni tat vantaġġ ta’ 2-0 lil Neptunes. Sa nofs it-tieni sessjoni, id-distakk baqa’ ta’ żewġ gowls iżda gowls konsekuttivi ta’ Mark Castillo, Stevie Camilleri u Luigi Mallia kabbru l-vantaġġ għal 7-2, b’Kanstantin Averka naqqas id-distakk minuta minn tmiem is-sessjoni.

Neptunes aċċertaw mir-rebħa fil-bidu tat-tielet sessjoni b’gowls ta’ Camilleri u Julian Valletta. Exiles baqgħu xorta jippruvaw jgħidu tagħhom fil-logħba u rnexxielhom iħallu d-distakk ma jkomplix jikber sa tmiem is-sessjoni. Neptunes żammew l-istess rendiment fl-aħħar sessjoni b’Alec Fenech u Matthias Azzopardi rnexxielhom jiskorjaw doppjetta kull wieħed għal rebħa komda.

Exiles: A. Borg Cole, G. Gatt, Z. Micallef, D. Pace Lupi (1), T. Agius (1), M. Martellacci, M. Fenech, K. Griscti (1), K. Averka (4), K. Tanti, K. Navarro, D. Zahra (1), G. Galea Curmi, L. Hyzler

Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (1), G. Zalanki, L. Mallia (3), J. Camilleri (1), J. Valletta (2), S. Camilleri (3), M. Castillo (1), B. Schranz, J. Bajada (1), A. Fenech (2), M. Azzopardi (2), M. Rossi, E. Mallia

Referees: Daniele Bianco, Massimo Angileri

Logħob li jmiss

Il-Ħamis

Finali KO I Diviżjoni: Marsaxlokk v Ta’ Xbiex  6.15pm

Finali KO Kampjonat Premier: San Ġiljan v Neptunes  7.30pm