Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li refa’ jdejh fuq is-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 31 sena, residenti Pembroke ingħata sentenza sospiża wara li ammetta diversi reati relatati ma’ vjolenza domestika fil-konfront tas-sieħba fosthom li refa’ jdejh fuqha u kkaġunalha ġrieħi ħfief u li heddidha.

Skont il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, ir-raġel wettaq dawn ir-reati nhar is-Sibt 9 t’Awwissu għall-ħabta tas-7:30 ta’ filgħaxija ġewwa r-residenza tagħhom, flimkien ma’ komunikazzjonijiet u mġiba oħra fi bnadi differenti ġewwa fil-Gżejjer Maltin.

Il-Qorti semgħet kif ir-raġel ikkaġuna biża’ u vjolenza fuq is-sieħba tiegħu, u mingħajr ħsieb li joqtolha, ikkawżalha wkoll ġrieħi ħfief, kif ikkonfermat mit-tabiba Amanda Farrugia. Huwa kien ukoll akkużat li għamel użu ħażin minn apparat elettroniku fejn hedded u pprova jimmalafama lill-vittma, kif ukoll li għamel inġurji u theddid b’mod mhux ġustifikat.

Waqt is-seduta, r-raġel wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u l-ammissjoni tiegħu ġiet ikkonfermata mill-ġdid wara li l-Qorti tagħtu żmien jaħsibha u spjegatlu l-konsegwenzi tar-reati. Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom in-natura tar-reati, l-ammissjoni kmieni tal-imputat, il-fedina penali tiegħu, u wkoll is-sottomissjonijiet mid-difiża tal-parti ċivili, li qalet li l-vittma ma kienitx qed tinsisti fuq piena ta’ ħabs.

Madankollu iżda kienet qed titlob li tiġi protetta minn kwalunkwe att futur mill-imputat. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti sabet lill-akkużat ħati u kkundannatu għal 12-il xahar ħabs, sospiżi għal tliet snin skont l-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali. Barra minn hekk, ġie mmultat €200.

B’mod addizzjonali, il-Qorti ħarġet Ordni ta’ Trażżin kontra l-ħati sabiex jipproteġi lill-vittma u l-familjari tagħha minn kull kuntatt jew theddid min-naħa tiegħu. Din l-ordni saret parti integrali mis-sentenza u tħalliet b’kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-Qorti.