Lokali

Shiva tagħti l-aħħar tislima lil sidha Chris Vella

Shiva qed timmissja lil sidha Chris ukoll

Minbarra ommu, missieru, martu, uliedu u l-istaff u r-residenti ta’ Caritas Malta, hemm kreatura oħra li qiegħda timmissja immensament il-preżenza ta’ Christian Vella f’San Blas. Din hi l-kelba tiegħu Shiva, li mill-Ħamis li għadda kienet evidenti fuqha d-diqa ta’ dan in-nuqqas u kif jindika dan ir-ritratt għadha tħares spiss lejn il-kanċell taċ-ċentru terapewtiku ta’ San Blas tistenna l-wasla ta’ Christian.

Chris kellu mħabba kbira immens għall-annimali. Persuna qribu f’San Blas qaltilna: “Li  kieku għal Chris ix-xelter kien jinbidel f’zoo”, għax daqqa jġib it-tiġieġ, qtates, għasafar u fniek.

Imma storja interessanti hija l-istorja ta’ Shiva, il-kelba tar-razza bulldog li kienet il-mimmi ta’ għajnejn Chris. Din il-kelba Chris talab il-permess biex iġibha tgħix mar-residenti fix-xelter għax kien jemmen li tista’ tkun ta’ terapija għar-residenti li qed jagħmlu programm. Shiva, kelba pjuttost xiħa, kienet drat is-shift tad-day in day-out ta’ Chris, imma jekk kien jieħu l-leave u jgħaddu jumejn, kienet tintasab fuq pultruna u anki tirrifjuta li tiekol. Ħafna mill-ħin toħroġ tiċċekkja ħdejn il-grada u terġa’ tpoġġi fuq il-pultruna.

L-istaff u residenti kienu b’ħafna paċenzja u mħabba jfissduha u jżiegħlu biha biex anki tiekol minn idejhom, imma d-dwejjaq tagħha kien itir kollu meta jirritorna Chris. Il-ferħ kien jidher u tiġri kullimkien warajh anki jekk ikun qed jattendi għal xi staff meeting, jekk hemm Chris se jkun hemm Shiva.

Dalgħodu, waqt li t-tebut ta’ Chris iddaħħal San Blas għall-aħħar tislima mir-residenti, fuq parir tal-veterinarju lill-kelba Shiva ressquha lejn it-tebut biex ikollha l-‘closure’ tagħha ma’ sidha. Minkejja li hi magħrufa bħala kelba fuq ruħha ħafna, intefgħet mal-art quddiem it-tebut u għamlet ħin siekta mingħajr ma riedet tiċċaqlaq.

Il-fejqan tagħha mill-weġgħa tal-firda għal Shiva se tkun l-imħabba li r-residenti wiegħdu lil Chris li se jkunu qed jagħtuha, ferm aktar minn qabel.