Lokali Qorti

Tammetti li serqet minn spiżerija f’Ħal Qormi

Josloann Cassar, ta’ 31 sena minn Bormla, tressqet il-Qorti t-Tlieta, akkużata b’sereq minn spiżerija f’Ħal Qormi. Il-każ seħħ fis-6 ta’ April li għadda, meta wara li wettqet is-serqa, is-sid tal-ispiżerija nnota li kienu neqsin xi oġġetti u, wara li fetħilha l-handbag, irnexxielu jirkupra l-affarijiet misruqa.

Huwa wkoll irrikonoxxieha permezz tal-karta tal-identità tagħha. Cassar kienet tat ukoll in-numru tal-mobile tagħha b’mod volontarju lis-sid qabel telqet minn fuq il-post. Il-Pulizija ġew infurmati immedjatament, iżda l-mara kienet diġà telqet minn fuq is-sit.

L-Ispettur James Mallia, li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li Cassar ma marritx l-għassa kif suppost u li mar ifittixha fid-dar tagħha iżda ma kienitx hemm. Wara, lemaha riesqa lejn ir-residenza u arrestaha fuq il-post. Mallia spjega wkoll li l-akkużata għandha kundanni preċedenti u li hija reċediva.

Fil-Qorti, Cassar ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha u wieġbet ħatja. Ġie deċiż mill-Qorti li jsir pre-sentencing report fil-konfront tal-akkużata. Hija ngħatat il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li tiffirma l-Għassa ta’ Bormla kull nhar ta’ Tnejn u l-Ġimgħa, trid tkun id-dar sat-8pm u ma toħroġ qabel is-7am. Tagħmel depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 2,000 ewro.

Il-Qorti ħatret ukoll uffiċjal tal-probation biex jiggwida fil-ħajja tagħha. Il-Qorti ordnatilha wkoll biex ma tersqax lejn l-ispiżerija konċernata. Infurmata wkoll li jekk ma tagħmilx dak mitlub minnha mill-uffiċjal tal-probation tista’ titlef id-depożitu u l-garanzija personali.

Is-seduta kienet preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia. L-akkużata kienet assistita mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit, Marion Camilleri, u Anthea Bonnici Zammit.