Internazzjonali Mużika

Beyonce tirbaħ l-ewwel Emmy Award tagħha

Beyoncé issa hija rebbieħa uffiċjali tal-Emmy Award wara li l-wirja tagħha fil-halftime tal-logħba tal-Milied tal-NFL tal-2024. Hi rebħet dan il-premju għall-kategorija outstanding costumes for variety, nonfiction or reality programming għas-77 edizzjoni annwali tal-Emmy Awards.

Ir-rebbieħa fil-kategoriji ġġudikati tal-Emmys tħabbru nhar it-Tlieta, b’Beyoncé fost ir-rebbieħa. Il-wirja, magħrufa bħala l-“Beyoncé Bowl”, saret waqt il-halftime tal-logħba bejn il-Baltimore Ravens u l-Houston Texans fil-Milied, fil-belt fejn twieldet Beyonce stess, f’Houston. Beyoncé kantat kanzunetti mill-album tagħha, “Cowboy Carter”, u kantat fuq il-palk flimkien ma’ bintha Blue Ivy Carter.

Beyoncé diġà għandha rekord ta’ 35 Grammy Awards, u b’dan l-Emmy, Beyonce uffiċjalment waslet f’nofs triq lejn l-EGOT – meta persuna tirbaħ Emmy, Grammy, Oscar u Tony. Sa issa, 21 persuna biss irnexxielhom jiksbu din id-distinzjoni.

Is-77 edizzjoni annwali tal-Primetime Emmy Awards se ssir fl-14 ta’ Settembru.