Knisja f’minjatura tkun knisja fiċ-ċokon. Ovvjament jeżistu qisien differenti u skont il-gosti tal-persuna. Hawn min jagħmilha barokka bħal bosta mill-knejjes li għandna f’pajjiżna. Hawn min jiddeċiedi li jagħmel xi ħaġa aktar oriġinali u ma jimxix fuq mudell ta’ knisja partikulari. Mhux kulħadd ikollu l-ispazju li jkun jixtieq u għalhekk trid timmudella l-knisja f’minjatura skont l-ispazju li jkollok. Hawn min iħalliha wieqfa s-sena kollha bħal fil-każ tiegħi u hawn min, forsi minħabba problema ta’ spazju, il-knisja jarmaha biss f’festi speċjali ngħidu aħna l-Ġimgħa l-Kbira.
Niftakar sewwa li meta kont għadni żgħir, id-dar fejn kont noqgħod (qabel ma ħadt l-istat tiegħi) mal-genituri tieghi fil-Mosta, kelli artal żgħir illi dan kont qlajtu rigal għall-Milied mingħand Superjur tal-MUSEUM u ta’ tifel li kont bdejt ninteressa ruħi sewwa fil-knejjes. Tista’ tghid minn hemmhekk illi bdejt b’dan id-delizzju u bil-mod il-mod bdejt nibni dan l-artal permezz ta’ oġġetti relatati għal fuqu. Niftakar sewwa kont niffitta lill-ġenituri tiegħi sabiex minn tal-inqas darba f’ġimgħa mmorru għand is-Sur Cordina (CORDINA EMPORIUM) ta’ Triq il-Merkanti l-Belt li kien ibigħ affarijiet sagri u f’minjatura bħal ngħidu aħna gandlieri, statwetti u l-bqija. Peress illi dak iż-żmien ma kontx naħdem, ovvjament kienu jagħmlu tajjeb għalija huma u kull darba li nitilgħu l-Belt qatt ma konna mmorru lura l-Mosta jdejna f’idejna għax dejjem konna nixtru xi ħaġa għal dan imbierek artal!

L-artal illi kelli d-dar baqa’ għandi għal bosta snin sakemm niftakar illi kont tajtu lil ħabib tiegħi peress illi f’mohhi dejjem kien iberren illi ’l quddiem ikolli xi ħaġa ikbar. Kulma żammejt huma ċerti aċċessorji bħal gandlieri u fjuretti illi dawn baqgħu għandi sal-lum il-ġurnata.
Intant kellhom jgħaddu bosta snin sabiex illum il-ġurnata għandi knisja minjatura.
Madwar tliet snin u nofs ilu niftakar illi tlajt ir-Rabat Għawdex nhar Ħadd il-Palm sabiex nara wirja mill-isbaħ ta’ knisja minjatura armata sa snienha għall-jiem sbieħ tal-Ġimgha Mqaddsa tal-ħabib tiegħi s-Sur George Mercieca. Waqt illi kont qed nara dina l-wirja, fil-pront niżel minn fuq missieru Amante Mercieca u kelma ġġib lil oħra u ħin minnhom qalli: ‘Joe, kemm l-artal kif ukoll il-bankuni tal-istatwi tal-Ġimgha l-Kbira kollox jien għamilt.’ Jiena pront weġibtu: ‘Veru prosit!’ Għedtlu wkoll illi għoġobni ħafna l-artal kemm għall-kobor kif ukoll kif inhu maħdum. Ħa pjaċir ħafna xħin għedtlu hekk peress illi Amante jaf sew kemm jien dilettant ta’ dawn l-affarijiet!
Kien proprju xahrejn wara li żort dina l-wirja li rġajt tlajt Għawdex fejn ġejt mistieden mill- Kumitat tal-Festa ta’ Ġesu` Ewkaristiku Salvatur fl-Għasri ġimgħa qabel il-festa titulari biex nippreżenta Akkademja Mużikali taht id-direzzjoni tas-Surmast Antoine Mercieca, it-tifel tas- Sur Amante Mercieca u qabel din is-serata nara lil Amante ġej b’barżakka magħluqa f’idu u resaq fuqi u qalli: ‘Din għalik Joe!’ Kif ftaħt il-barżakka nsib ġmiel ta’ artal tqil mhux ħazin kollu injam minn ġewwa u veru ħadt gost immens bih. Ma nafx kemm -il darba għedtlu l- kelma ‘grazzi’. Waqt illi kont fuq il-vapur bdejt nhewden kif se naghmel minjatura. Il-kunċert kien il-Ġimgha u l-għada s-Sibt ħadt dan l-artal għand ħabib tiegħi mastrudaxxa prim Żebbugi s-Sur Michael Camilleri u għedtlu illi xtaqt nagħmel prospettiva f’minjatura. Qalli li kien lest li jagħmilhieli imma ridt nistenna ftit sakemm ilesti xi xogħol pendenti li kellu għall-Kolleġġjata ta’ San Pawl il-Belt Valletta. Jien għedtlu li xtaqt li jlestihieli sa Mejju tal-2016. Wegħedni li jlestiha żgur u hekk kien. Iddeċidejt ukoll illi qabel ma tkun lesta lill-mara ma ngħidiha xejn. S’intendi tul dawk ix-xhur kollha kont immur sikwit ħdejh nittantah ftit. Hekk kif tlestiet kien jonqos żewġ affarijiet oħra: mejda tal-kawba għal taħtha u l-irħamar tal-istess prospettiva. Għall-irħamar kellimt lis-Sur Manwel Chircop, ex-sagristan tal-Knisja Arċipretali ta’ San Filep t’Aġġira u qalli biex neħodha immedjatament il-work shop tal-każin tal-Banda 12th May qabel ma jibda jinħareġ l-armar għall festa titulari ta’ San Filep. F’ġimgha kienet lesta mill-irħamar u ħadtha d-dar. Malli ratha l-mara tiegħi għoġbitha immens peress illi qatt ma immaġinat illi kienet ġejja hekk sabiħa. Finalment kien jonqos l-aħħar ħaġa, il-mejda tal-kawba għal taħtha u dina tlestiet ġimgħa fuq il-festa ta’ San Filep tas-sena u nħadmet ukoll mis-Sur Michael Camilleri, l-istess persuna illi għamlitli x-xogħol fuq il-prospettiva.
It-trobbija tiegħi għenet ħafna. It-talb fil-familja, il-quddiesa ta’ kuljum, it-trobbija nistanija wassluni nkun dak li jien illum. Fil-kappelli tal-MUSEUM kienu u għadhom isiru ċerti programmi speċjali bħal ngħidu aħna f’ġieħ San Larwenz, protettur tal-hekk imsejħa Magħżulin. Kif tista’ ma toħroġx dilettant ta’ dawn l-affarijiet? Xi ngħidu mbagħad għall-Knisja Rotunda tal-Mosta bit-tradizzjoni sabiħa tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira? Tradizzjoni li għadha f’qalbi llum tant li ta’ kull sena tarani nakkumpanja quddiem il-Banda Santa Marijha waqt li tkun qed iddoqq il-marċi funebri billi jiena President Onorarju hemmhekk.
F’dan id-delizzju qatt m’int lest. Dak il-mument li tgħid li int lest, id-delizzju jispiċċalek. Il-gost jinsab filli dejjem tipprova toħloq xi ħaġa ġdida għall-knisja u billi tarma għal xi festa li tkun ġejja. Grazzi għall-ħabib tiegħi Alfred Camilleri li wkoll għandu knisja minjatura mill-isbaħ, jiena tista’ tgħid li narma għal kull okkażjoni. Sajf u xitwa arah ġej b’ċerta ħeġġa u flimkien narmaw il-knisja għall-festa li jkun imiss. Malli tkun lesta nkun fis-seba’ sema u xi ritratt ma jonqosx ukoll!
Ovvjament minn żmien għall-ieħor nagħmel xi ħaġa ġdida għall-knisja u nieħu gost noqgħod ingawdiha tul dak iż-żmien li ddum armata. Il-gost tiegħi nħejji xi kitbiet u kultant nagħti dik id-daqqa t’għajn lill-minjatura. Xi talba ma tonqosx ukoll! Ftit snin ilu webbluni biex fis-saqaf nagħmel pittura ċkejkna li turi l-Konvoj ta’ Santa Marija. Kellimt lill-pittur Żurrieqi Jeremy Cachia li aċċetta minnufih. Nista’ ngħid li għamilli biċċa xogħol sabiħa ħafna li ġiet għal qalbi ferm. Żanżantha f’għeluq it-80 sena mill-ġrajja tal-konvoj!
Grazzi għall-ħabib antik tiegħi Joseph Vella illi huwa Għawdxi, fix-xahar ta’ Marzu tas-sena li għaddiet 2024 kont Għawdex flimkien miegħu u wrejtu ix-xewqa illi nixtieq naghmel estensjoni tal-knisja sabiex meta narma xi statwa tal-okkażzjoni dina toqgħod paxxuta. Appena għaddiet il-Ġimgha l-Kbira u l-Għid il-Kbir, Joseph qalli illi se jkellem lil missieru Victor Vella illi huwa mastrudaxxa prim u li diġà kien ħadimli il-kampnar ghall-knisja minjatura sena ilu. Huma ġew id-dar għandi sabiex jieħdu l-qies u niftiehmu kif trid tiġi l-estensjoni. F’temp ta’ ġimgħa dina kienet lesta u twaħħlet fil-post. Ġiet ferm għal qalbi għax issa stajt ngħid illi dak illi kont qed noħlom bih seħħ tassew. Grazzi mill-qalb lis-Sur Victor Vella għax- xoghol perfett illi għamilli.
Is-sena li għaddiet apparti l-estensjoni tal-paviment żidt ukoll 2 pitturi tal- kwadri laterali, wieħed ta’ San Ġwann l-Evanġelista u l-ieħor taż-żwieġ tal Madonna u San Ġużepp. Dawn il pitturi saru mill-artist Mosti Mark Muscat.
Sar il-paviment tal-art tal-irħam għal mal-estensjoni, xogħol illi sar mis- Sur George Portelli.
Sar ukoll bankun ghall vara ta’ Santa Marija, bankun tal-fratellanza (salib u żewġ lanterni miegħu), bankun b’sett forċini għal mal-istatwa, sett gandlieri għal maġenb l-istatwa, sett fjuretti għal maġenb l-istatwa ta’ Santa Marija, artal mejda u l-aċċessorji tagħha flimkien ma’ bosta tiżjin ieħor li osltu wieħed jara fuq il-presbiterju. Nixtieq nirringrazzja lil dawk il-persuni illi ħadmuli f’dawn l-oġġetti li semmejt.


Grazzi lis Sinjuri Victor Vella, George Portelli, Mario Cassar, Emanuel Pisani, Noel Axiaq, Mark Muscat u Rita Grima.
Din is-sena qed jiżżanżnu 3 Kapep u Pjaneta, Ventartal tal-Metall, terħa tal-Bellus bin Nome di Maria għall l-Artal Maġġur u gradenzina b’affarijiet sagri ghall fuqa.
Grazzi lis Sinjuri David L Aquilina, Rita Grina u Gabriel Farrugia għax xogħol impekkabbli tagħħom ilkoll.
Grazzi wkoll fuq kollox lill-ħabib tiegħi il-Baritonu Alfred Camilleri illi l- pjacir tiegħu jiġi d-dar tiegħi u jgħinni sabiex narma l-knisja minjatura.
Nazzarda ngħid li f’dawn l-aħħar snin, pjuttost nara li d-delizzju kiber sew. Biżżejjed tara ftit kemm ikun hawn wirjiet fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa li bosta minnhom ikunu ambjentati fi knisja minjatura. Grazzi għall-Għaqda Dilettanti Mudelli tal-Knejjes li ta’ kull sena tieħu ħsieb torganizza wirja bi ħwejjeġ sagri f’minjatura, bosta nies qed jitħajru jaqbdu dan il-passatemp. Passatemp li jżommok miġbur id-dar, passatemp li jressqek biex tifhem aktar il-liturġija li niċċelebraw fil-fidi tagħna u fuq kollox passatemp li jressqek lejn id-divin.
//= $special ?>