Lokali Qorti

Erba’ xhur ħabs wara li pprova jaħrab minn Malta b’biljett ‘one-way’ għal Mumbai

Melbin Devassy, raġel ta’ 35 sena, ġie kkundannat erba’ xhur ħabs wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest billi pprova jitlaq minn Malta, minkejja li kellu projbizzjoni ċara milli jagħmel dan.

Devassy, li kien fuq pleġġ b’rabta ma’ każ ta’ sewqan perikoluż fiż-żona ta’ Ħal Luqa fi Frar tal-2024, ġie arrestat fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta hekk kif ipprova jaqbad titjira b’destinazzjoni lejn Mumbai. Hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’żewġ okkażjonijiet – f’Marzu tal-2024 u f’Lulju tal-2025 – b’kundizzjonijiet stretti, fosthom li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum, li ma joħroġx mid-dar u li ma jħalli qatt it-territorju Malti.

Meta ġie arrestat, Devassy qal lill-Pulizija li ried iżur lil ħuh li allegatament jinsab l-isptar wara inċident tat-traffiku fl-Indja. Madankollu, il-Qorti nnutat li kieku dan kien veru, hu seta’ faċilment talab lill-avukat tiegħu biex jippreżenta talba sabiex jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti esprimiet tħassib serju dwar il-fatt li Devassy kien xtara biljett ‘one-way’ għal Mumbai, sinjal li seta’ ma kellux l-intenzjoni li jirritorna. Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ikkundannatu erba’ xhur ħabs u ordnat l-arrest immedjat tiegħu.

Il-Qorti wkoll ordnat il-konfiska tal-garanzija personali ta’ €5,000 mill-ewwel sett ta’ kundizzjonijiet tal-bail. Madankollu, ma setgħetx tordna konfiska oħra mill-it-tieni sett, minħabba li d-digriet relattiv ma kienx ġie ppreżentat quddiemha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher, filwaqt li l-avukat Victor Bugeja deher għall-akkużat.