Futbol Sport

Il-gowlkiper ta’ 19-il sena, Leon Gauci jiffirma ma’ Yverdon-Sport FC fit-tieni diviżjoni Żvizzera

Il-gowlkiper żagħżugħ Leon Gauci ffirma ma' Yverdon-Sport FC
Il-gowlkiper żagħżugħ Leon Gauci ffirma ma' Yverdon-Sport FC

Il-gowlkiper internazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena, Leon Gauci laħaq ftehim mal-klabb tat-tieni diviżjoni fl-Iżvizzera u llum ffirma kuntratt ta’ sena ma’ Yverdon-Sport FC.

Din l-aħbar pożittiva tasal wara li aktar kmieni dan is-sajf, fil-bidu ta’ Lulju, il-paġna ta’ Replay kienet żvelat b’mod esklussiv li l-eks gowlkiper fil-livell taż-żgħażagħ ta’ Birkirkara, Gauci kien se jmur għal jiem ta’ prova ma’ klabb Żvizzeru, FC Sion li magħhom hemm jilgħab Malti ieħor, Ilyas Chouaref.

Net News jista’ jikkonferma b’mod esklussiv li fl-aħħar jiem Gauci kien qed jitħarreġ ma’ Yverdon-Sport FC, tim li fl-istaġun li għadda kien temm is-Super League Żviżżeru fl-aħħar post u allura kien relegat għaċ-Challenge League.

Wara li Gauci kien segwit mill-viċin mill-istaff tekniku ta’ Yverdon-Sport FC, il-gowlkiper Malti ta’ 19-il sena kien offrut kuntratt ta’ sena u b’hekk se jkun qed iqatta’ l-istaġun 2025/26 fl-Iżvizzera.

Din hija l-ewwel darba li Gauci ffirma kuntratt ma’ klabb barrani, iżda mhux l-ewwel darba li kellu opportunitá li jmur prova ma’ klabb barrani. Apparti FC Sion, fil-passat riċenti, Gauci kellu prova fl-Italja, mal-klabb tal-Lega Pro Lucchese.

Iċ-Challenge League Żvizzeru diġa’ beda’ u wara l-ewwel tliet match days tal-Kampjonat, Yverdon-Sport FC għandhom sitt punti. Huma jinsabu punt wieħed biss taħt il-leaders attwali tal-Kampjonat, FC Vaduz.